L-ismijiet ta’ 5 postijiet bil-Malti 2018-05-12T18:24:19+00:00

Project Description

Minħabba l-istorja mħallta tagħna, fil-Gżejjer Maltin għandna għadd ġmielu ta’ postijiet li għandhom isem bil-Malti u isem b’lingwa oħra, bħal Bormla u Cospicua, il-Birgu u Vittoriosa, Raħal Ġdid u PaolaGħawdex u Gozo, ir-Rabat u Victoria. Iżda hemm xi postijiet li kważi kulħadd jafhom bl-Ingliż. L-ismijiet bil-Malti donna nsejniehom. Nitgħallmuhom bil-Malti wkoll, xi tgħidu?

Bejn il-Kmiemen

Il-Blue Lagoon, dak l-għonq ta’ baħar blu ċar kristall li nsibu bejn Kemmuna u Kemmunett, bil-Malti hekk jissejjaħ. Il-kelma Kmiemen hi l-plural ta’ Kemmuna. Għandna wkoll l-idjoma jinsab bejn il-Kmiemen li nużawha għal min ikun bejn ħaltejn, indeċiż, itella’ u jniżżel x’jaqbad jagħmel.

Il-Ħnejja

Post turistiku ieħor magħruf l-aktar bl-Ingliż hu l-Blue Grotto. Biss, jekk issaqsi liż-Żrieżaq, mill-ewwel jgħidulek li bil-Malti jgħidulu l-Ħnejja (ukoll Għar il-Ħnejja jew Taħt il-Ħnejja). U l-parti fuq il-Blue Grotto jsejħulha appuntu Fuq il-Ħnejja.

Il-Qali

Bil-Malti Titti, il-kelb għawwiem, mhux minn St. Peter’s Pool jaqbeż imma mill-Qali jew il-Kali (ukoll Il-Kalanka tal-Qali). L-a twila bħal f’Ta’ Qali, mhux bħal tal-qali li tħobb titħanżer fih. Min jaf għala l-Ingliżi żeffnu lil San Pietru fin-nofs?

Wied il-Qlejgħa

L-għadajjar artifiċjali ta’ Chadwick Lakes bil-Malti ġieli jsejħulhom Wied il-Qlejgħa. Sewwasew, dan hu isem il-wied li jinsabu fih, li jibda minn taħt ir-Rabat u l-Imtarfa u jagħti lejn Wied il-Għasel. L-isem Ingliż ġej minn kunjom l-inġinier li fassalhom, Osbert Chadwick, li fl-1884 kien ġie Malta biex jistudja r-riżorsi tal-ilma. F’dawn l-għadajjar tal-ilma ħelu hemm ħafna ħxejjex u annimali żgħar, bħaż-żrinġijiet u l-mazzarelli (bl-Ingliż dragonflies). 

Il-Mixquqa

L-isem Malti ta’ Golden Bay hu l-Mixquqa jew ir-Ramla tal-Mixquqa. Il-kelma aktarx marbuta ma’ xaqq u tfisser imxaqqa, imxiegħra, miftuħa b’daqqa ta’ xi xafra. Min jaf għala jgħidulha hekk? Tgħid għax fuq il-bajja kulħadd jikxef ix-xaqq?

#Malta#goldenbaybeach

A post shared by Michelle Saliba (@mishsaliba) on

 

Min jiftakru lil Charlie li kien mar “Golden Bay to see the peoples”?

 

 

Facebook Comments