Il-Patrun ta’ Malta. Insejħulu Missierna. Niċċelebraw xi ħames festi f’ismu. Għandna bosta mkejjen imsemmijin għalih. Saħansitra żewġ gżejjer żgħar. Mhux ta’ b’xejn li nsemmuh f’għadd ta’ idjomi u espressjonijiet Maltin! Bħal dawn li ġejjin.
għażżien daqs is-sejf ta’ San Pawl
Idjoma perfetta għal min iħobb jitnikker, jintelaq u jitgħażżen. Insomma għal xi ħadd manġapassiġġa u skansafaċendi. Jgħidu li, wara li San Pawl ikkonverta u ma baqax jippersegwita lill-Insara, is-sejf m’użahx aktar. Kien iħallih dejjem fl-għant. U minn hemm nibtet l-espressjoni. Faqgħa, hux?
iqalleb daqs it-temp f’San Pawl ta’ Jannar
Skont qawl antik, nhar San Pawl it-temp iqalleb (jew ibiddel) seba’ darbiet. Jgħidu li fil-festa ta’ San Pawl, jiġifieri fil-25 ta’ Jannar, l-ajru jinbidel kemm-il darba. Għalhekk dan l-għajdut nużawh għal min ikun pinnur, idur ma’ kull riħ, ma tistax torbot fuqu għax daqs tazza ilma biex jerġa’ jibdielu.
ilsien San Pawl
Qatt iltqajt ma’ xi sinna ta’ kelb il-baħar ffossilizzata fil-ġebla Maltija? Dik hi l-famuża lsien San Pawl. Kienu jemmnu li dawn il-fossili huma xbieha ta’ lsien San Pawl, tant li kienu jużawhom kontra xi mard jew iqegħduhom madwar għonq it-tfal biex itellgħu s-snien. Ġieli kienu jpoġġuhom fl-ilma jagħli u meta jibred jixorbuh. Kieku llum insibu xi waħda, nintefgħu niżfnu l-Baby Shark. Żgur, mhux forsi.
San Pawl ħa l-velenu mil-lifgħa…
Dan l-għajdut Enzo Gusman jiġbru fi strofa tal-kanzunetta Żepp u Grezz:
“San Pawl, ja Missier tagħna,
Li mis-sema tieqaf magħna,
Int neħħejt il-velenu ‘l-lifgħa
U mort tfajtu f’ħalq in-nisa!”
Jekk ma jkollniex espressjoni sessista ma nkunux aħna. Toqgħod tgħid, l-irġiel li ħarġu biha, taz-zokkor ilsienhom!
Tawh xebgħa tal-Beati Pawli
Qlajna damdima tal-Beati Pawli. Inqbadna f’maltempata tal-Beati Pawli. Biex nevitaha, kelli ndur dawra tal-Beati Pawli. Nużawha għal xi ħaġa kbira u goffa, speċjalment jekk tkun negattiva bħal xi xebgħa jew kedda. Ħafna jorbtuha ma’ San Pawl, imma m’għandhiex x’taqsam miegħu. Ġejja minn I Beati Paoli, li fl-imgħoddi kienu setta sigrieta ta’ nies kriminali fi Sqallija. Kienu qishom il-Mafja tal-lum.
Bonus: San Pawl bil-fidi
Hemm ukoll logħba bil-kliem fuq San Pawl. Jgħidulek San Pawl ġie bil-fidi. U inti tifhimhom li xarrablek idek.
Għaċ-ċajt l-ewwel nieħdu!