Iż-Żeppoli ta’ San Ġużepp 2018-03-19T18:54:22+00:00

Project Description

Dwar it-tjubija taż-żeppoli ta’ San Ġużepp m’hemmx dubji. Dwar nisel din il-kelma, però, m’hemmx qbil. Hemm mill-inqas tliet ipoteżijiet. Imma qabel ma nsemmuhom, ejja ngħidu kelma dwar iż-żeppoli.

X’inhuma ż-żeppoli?

Tip ta’ ħelu magħmul minn għaġina ratba u minfuħa li tinqela fiż-żejt u timtela bil-krema inkella bl-irkotta ħelwa. Iż-żeppoli huma ħelu tipiku tan-naħa t’isfel tal-Italja. Isiru nhar San Ġużepp f’postijiet bħal Napli, Catanzaro, Reggio Calabria, Sqallija, ħeqq u hawn Malta wkoll. Palermo minflok zeppole jgħidulhom sfinci di San Giuseppe. Anki hawn Malta, xi wħud jgħidulhom sfineġ ta’ San Ġużepp. Il-kelma sfinġa aktarx ġejja mit-Taljan sfincia, li ħadha mil-Latin spongia, jiġifieri sponża. Tassew ikunu qishom sponoż żgħar. In-nisel jista’ jkun Għarbi wkoll, minn ‘asfanġa, jiġifieri tip ta’ ħelu artab li jittiekel bl-għasel, magħmul minn għaġina ratba moqlija.

U l-kelma żeppoli mnejn ġejja?

Fil-Malti daħlet mit-Taljan zeppole di San Giuseppe. Biss, ma nafux sewwasew mnejn ġejja. Hemm tliet ideat ewlenin. Skont xi wħud, in-nisel hu Ġermaniku, minn zeppa, biċċa injama bħal feles. Imma dwar din m’aħniex konvinti. Oħrajn jgħidu li ġejja mil-Latin imwaħħar zìppulae, tip ta’ ħelu magħmul mill-għaġina u l-għasel, li dwaru ma nafux wisq aktar. It-tielet ipoteżi hi li ġejja mid-diminuttiv ta’ Zeppe, bil-Malti Żeppi, it-taqsira ta’ Giuseppe. U fil-fatt, Belluno ż-żeppoli jgħidulhom giuseppine. Ġejjin mnejn ġejjin, xorta għasel jinżlu. Viva San Ġużepp!

Facebook Comments