Fi żmien il-Milied nużaw kliem li mhux dejjem inkunu nafu xi jfisser sewwasew jew li ma jkollniex idea mnejn ikun ġej.

mirra

Deheb, inċens u birra! …jgħid kull Malti xi darba f’għomru. Għax aħna lkoll nafu li l-mirra wieħed mir-rigali tas-Slaten Maġi, imma m’għandniex idea xi ż-żigg taħbat. Ok, naqtgħu l-kurżità. Il-mirra hi tip ta’ gomma tar-raża tfuħ li tiġi miz-zkuk tas-siġar. Tintuża bħala fwieħa u jbaħħru biha, bħall-inċens. Eh u bilħaqq, l-espressjoni tellagħlu l-mirra jew ġablu l-mirra tfisser qabbiżlu ċ-ċinga, eż. Tant dam jaqtagħli xagħri li ġabli l-mirra.

 

l-istrina

Kull sena niġbru l-flus għall-istrina. Imma xi tkun l-istrina?
Fl-imgħoddi, ir-rigali flok fil-Milied kienu jtuhom fl-ewwel tas-sena. L-istrina kienet proprju dan ir-rigal tal-ewwel tas-sena. Ħafna tfal dakinhar tal-istrina kienu joħorġu fit-toroq b’xi bott vojt jawguraw is-sena t-tajba lil min ikun għaddej mit-triq, forsi jtihom xi ħaġa tal-flus.

Allura għala xi kultant nesklamaw illistrina!?
Dik m’għandhiex x’taqsam mal-istrina tal-ewwel tas-sena. Meta nitilfu t-tempra, għandna ħabta nsemmu l-qaddisin u ħwejjeġ reliġjużi oħra. U biex ma nonqsux mir-rispett, ngħawġu kemm kemm il-kelma reliġjuża biex intaffu xi ftit mill-qawwa tagħha. Flok ma nsemmu lill-Madonna ngħidu madoffi, biex ma nsemmux lil Alla ngħidu illallu, u biex ma nsemmux l-ostja, ngħidu illostra! jew illistra! jew illistrina!

 

pastur

Milied = presepju = pasturi. Il-kelma ġejja mit-Taljan pastori, jiġifieri ragħajja, għax l-ewwel nies li laqgħu lill-Bambin kienu r-ragħajja. Imma fil-Malti, minn ragħajja saret tfisser il-figuri li nqiegħdu fil-presepju. Xi wħud ikunu bi lbies bibliku, oħrajn bi lbies tradizzjonali tal-post fejn isir il-presepju. Ngħidu aħna, fil-presepju Malti nsibu lil taż-żaqq, pastur idoqq iż-żaqq, ir-rieqed, pastur rieqed (jismu miegħu), ix-xabbatur jixxabbat mal-grotta, u l-famuż l-għaġeb tal-presepju jadura lill-Bambin mistagħġeb b’idejh it-tnejn ’il fuq. U, għal min ma jafx, jekk jgħidulek qisek l-għaġeb tal-presepju jiġifieri tkun ċapsa, rieqed, mejjet ħaj. U jekk qatt ma smajtha, mela veru għaġeb! 

 

maxtura

Ilkoll nafu li l-Bambin twieled f’maxtura. Li ma jafx kulħadd hu li l-kelma ġejja mill-Isqalli mangiatura, dik il-kaxxa li fiha nqiegħdu l-ġwież u l-għalf tal-bhejjem. Il-kelma l-ewwel daħlet bħala manġtura, imbagħad saret manxtura u fl-aħħar maxtura, kif nafuha llum. U minnha ħriġna l-verb tmaxtar, jiġifieri tiekol ħafna u bil-ħatfa bħall-bhejjem, kif se tagħmel fil-party tax-xogħol, fl-ikla tal-Milied, l-għada tal-Milied, il-pitgħada, il-pitpitgħada… sa ma jasal l-ewwel tas-sena u tibda dieta stretta… li ddum tlett ijiem.

 

gawgaw

Skont is-superstizzjoni, il-gawgaw kien ħares li lejlet il-Milied jgħaddi jiġġerra u jgħajjat fit-toroq. Kienu jemmnu li t-tfal li jitwieldu nhar lejlet il-Milied, talli twieldu dakinhar, seta’ jtihom ħmar il-lejl, joħorġu barra u jsiru gawgaw, mostru li ħadd ma kien jaf eżatt x’sura kellu. Biex jipproteġuhom taf x’kienu jagħmlu? Kienu jżommuhom imqajmin f’nofsillejl. U biex żgur ma jorqdux u jsiru gawgaw kienu jtuhom biċċa xogħol biex jedhew: jgħoddu t-toqob ta’ passatur jew għarbiel. Mur għoddhom!

 

Bonus: borrinu

U kif stajna nħalluha barra?! Il-kelma tas-sena tal-2014, ivvintata minn Kelma Kelma, li tant iggustawha nies li saħansitra sabet ruħha f’xi dizzjunarji u kotba tat-tfal. Bdiet minn din il-poeżija:

Borrinu
ta’ Michael Spagnol

Infetħu bwieb is-sema
u għamel ħafna ksieħ,
mat-tieqa beda jtektek
is-silġ nieżel mar-riħ.

Frak abjad kesa kollox,
fil-bitħa l-art tgħattiet
u għedt bejni u bejn ruħi
“Kif nista’ noqgħod kwiet?”

Ħriġt niġri f’dik il-kesħa,
is-silġ qbadt nilgħab bih,
rekkintu u bnejt pupu,
Borrinu se nsemmih!

Fettilli nlibbsu xalla,
barnuża flok kappell,
ma’ żaqqu żewġ buttuni,
ġie qisu xi mudell!

F’nofs wiċċu zunnarija,
pinġejtlu par għajnejn,
fuq fommu tfajt tbissima,
żewġ zkuk taparsi jdejn.

Kien donnu tal-istampi,
ħriġt veru sodisfatt,
mort niġri nġib il-mobile,
kif ġie, ħaqqu ritratt!

Xħin ħriġt ħadt qatgħa kbira.
Xi ġrali, uff, xi dnub!
Ix-xemx fettlilha toħroġ
u Borrinu beda jdub!