Fil-Malti, kull nom irid ikun jew singular, bħal sena, platt u borma, jew plural, bħal snin, platti u borom. Il-biċċa l-kbira tan-nomi jkollhom forma tas-singular u forma tal-plural, jekk mhux tal-imtenni wkoll, bħal sentejn u elfejn. Iżda hemm xi nomi li m’għandhomx plural, bħal ħall, ktejjeb u alkoħol, u nomi oħrajn, bħal beni, flus u baffi, li nsibuhom fil-plural biss. Jiġri kultant li nom, minn ħafna, jibda jirreferi għal oġġett wieħed. Li ġejjin huma ħames nomi li ġarrbu din il-bidla fl-għadd.

aħbar

Dan in-nom beda bħala l-plural ta’ ħabar, li tfisser notizzja. Imma ħabar ilna għomor ma nisimgħu b’aħbarha. U ladarba l-plural sar is-singular, ħtiġilna nsawru forma ġdida tal-plural, aħbarijiet. Xi tgħid, Sa Bonanno?
Tajjeb ngħidu li din il-bidla ma seħħitx ilbieraħ. Fid-Damma ta’ De Soldanis, dizzjunarju ta’ 250 sena ilu, diġà nsibu frażijiet bħal achbar taiba u achbar hhażina.

WATCH: What happened to Anna Bonanno once, when she was reading the News Bulletin? - TVM News

qalziet

Storikament, hu l-plural ta’ qalza. Għax, il-qalziet ikollu l-qalza tal-lemin u l-qalza tax-xellug. Imma llum dawn żewġ kelmiet distinti, bi plural għalihom: ta’ qalza qliezi u ta’ qalziet qliezet. Tant hu hekk li nistgħu nitkellmu fuq il-qliezi tal-qliezet. Bilħaqq, kont taf li l-kelma kalzetta tiġi minnhom ukoll? Wara kollox, kalz-etta mhix għajr qalza żgħira!

people showing black leather dress shoe lot outdoor during daytime

qlajja’

Min jibda xniegħa, ikun qala’ gidba. Taf x’qalgħa qala’ fuqi? Hekk bdiet: waħda qalgħa u ħafna qlajja’, bħal sengħa u snajja’ jew tebgħa u tbajja’. Iżda, forsi għax jispiċċa bil-ħoss a, il-plural ħsibnieh is-singular, u llum ngħidu din il-qlajja’, mhux dawn, u l-qlajja’ nxterdet, mhux inxterdu. U jekk ikun hemm ħafna xnigħat? Ħeqq, żviluppajna l-plural qlajjiet.

woman whispering on woman's ear while hands on lips

xhud

Lil min se tqiegħed xhud?
Ix-xhud ma xehedx is-sewwa.
Dakinhar kelli lil oħti xhud.
Illum nużawha fis-singular, imma storikament hi plural, bħal xhur jew ċnut. Prietki u dokumenti antiki jixhdu li m’iniex naqla’ minn żniedi. Is-singular kien xiehed jew sciehed, kif jiktbu De Soldanis. Il-plural, naturalment, sar xhieda. Jekk trid titkixxef fuq ir-rabta bejn ix-xhud u l-bajd, ara din.

man writing on paper

mnieħer

Mill-għerq ta’ naħar jew tonħor jitnissel in-nom mimmat manħar, wieħed mill-imnifsejn. Imma toqob għan-nifs tnejn għandna, u ġara li fil-Malti baqa’ biss imnieħer, li, għalkemm għandu l-għamla ta’ plural, bħal imsiemer u mfietaħ, hu nom singular. Ngħidu mnieħer kbir, mhux kbar, jew imnieħer pulit, mhux puliti. Allura x’jiġi l-plural ta’ mnieħer? Aqra din in-nota ta’ Manwel Mifsud.

Selective Focus Photography of Two Smiling Men Facing Each Other

bonus: ċips

Meta l-bużnanniet tagħna bdew jisimgħu lill-Ingliżi jsemmu l-fish and chips, is-s tat-tarf ħasbuha parti mill-kelma. U minnha ħarġu ċipsa. “Ħa noħodlok ċipsa,” jgħid kull Malti malli jara plattina quddiemu. Forma bħal ċipsa ngħidulha nom tal-unità li toħroġ mill-kollettiv, sewwasew bħal tuffieħa minn tuffieħ, ħadida minn ħadid jew karawetta minn karawett. Għalkemm jirreferi għal kwantità, il-kollettiv hu singular: tuffieħ frisk, mhux friski, jew ħadid imsaddad, mhux imsaddin. Bl-istess mod, ċips, minn plural fl-Ingliż, saret kollettiv fil-Malti. Però fil-femminil, aktarx minħabba l-influwenza ta’ patata: ngħidu ċ-ċips taħraq jew iċ-ċips mielħa.

fries on white ceramic plate