5 kelmiet tax-xita 2019-02-24T18:16:36+00:00

Project Description

Għandna xita ta’ kliem u espressjonijiet għal meta jinfetħu bwieb is-sema u jagħmel l-ilma. Li ġejjin huma ħamsa fost l-aktar interessanti għal meta jxarrabna.

ċirċ

Kelma tassew kuċċla. Tfisser temp imċajpar b’xita rqiqa fit-tul. Eżempju ngħidu Dam nofstanhar nieżel iċ-ċirċ, jiġifieri kienet xita rxiex nieżla bla heda. Irxiex ukoll kelma sabiħa. Meta tkun ħafifa ħafna, qisha raxx, bilkemm tinħass, ngħidu nieżla rxiex jew qiegħda traxxax. Imma x-xita mhux dejjem hekk tinżel. Il-qawwa tagħha tvarja u anki l-kliem biex niddeskrivuha.

qliel

Nieżla xita bil-qliel ngħidu meta tkun qawwija. Il-kelma qliel m’għandhiex x’taqsam ma’ qalil jew qilla, kif jaħsbu xi wħud. Hija l-plural ta’ qolla, li tkun bħal ġarra għall-ilma, l-inbid u likwidi oħrajn. Xi wħud jużaw il-plural qolol. Mela l-espressjoni xita bil-qliel jew bil-qolol litteralment tfisser li tkun qisha nieżla bil-bramel. Meta tagħmel ħalba mhux ħażin, ngħidu wkoll xita bil-ħodon (jiġ. kemm tħaddan f’dirgħajk), xita bir-ruppat, xita bil-ġarar (il-plural ta’ ġarra, appuntu bħal xita bil-qliel), għamel gelgul, infetħu bwieb is-sema, nieżel wied sħiħ jew għaddej il-wied, nieżla ktieli ktieli, għamel/niżel (id-)dulluvju, inkella l-kelma li jmiss.

tlanġas

Meta tinżel b’saħħitha ngħidu x-xita tlanġas. Aktarx marbuta mal-kelma lanġasa, għax il-qtar tax-xita donnu jkollu għamla ta’ lanġasa, dejqa minn fuq u wiesgħa u għat-tond minn isfel. In-naħa tal-Kottonera dan il-verb jużawh għal min jarma jidgħi, isalli, isempel, iżarrad, iweżweż… Daħlu fih bil-karozza u tgħidx xi jlanġas! Ngħiduha kif inhi, xita qawwija ġġiegħlek tidgħi, speċjalment jekk jaħslek xi muntun!

ħassa

Biex jiċċajtaw, hekk isejħulha l-umbrella, l-aktar jekk tkun għasra bix-xita. Jużaha, fost l-oħrajn, Erin Serracino-Inglott f’dawn il-versi mill-poeżija tant famuża Ix-Xita:

“Jekk jiena
nkun ħsibt
u barra
nkun ġibt
biex nitgħatta
u nitgeżwer,
għax nilmaħ
minn kmieni
lis-sema
sewdieni
u l-ilma
tax-xita
ġejjieni,
u noħroġ
bil-ħassa
taħt idi
imrassa”

sħat

Ix-xita tibda tnaqqas jew tbatti sa ma tieqaf jew tehda għalkollox. Inkella tisħa, verb qadim ferm. Kienu jgħidu x-xita sħat, jiġifieri waqfet u l-ajru fetaħ jew iċċara. Dari dwar ix-xita kien jintuża ħafna kliem ieħor li ta’ min nużawh iktar spiss. Insemmi tnejn tal-aħħar. L-ajru mherri ngħiduha meta tkun ilha nieżla ħafna xita bla heda. U meta tkun qisha se tagħmel ix-xita imma tibqa’ ma tagħmilx, ngħidu x-xita mdendla. Xi ġmiel ta’ kelma dik!

bonus: xemx u xita

Alla jaf mita. Inkella xemx u xita twieled/tgħammed Tork. Hekk ngħidu meta jkun bnazzi u tibda tqattar, għax xemx u xita f’daqqa rari daqs Tork, jiġ. Musulman, li jsir Nisrani.

 

Immarka lil xi ħadd li jħobb ix-xita!