te
Qabelxejn, nota ortografika, għax bosta jiktbuha ħażin. Tinkiteb mingħajr aċċent: kafè bl-aċċent, imma te le. Appuntu, bħall-kelma le. Għalkemm daħlet fil-Malti mit-Taljan, in-nisel tagħha Ċiniż Mandarin, chá. Kważi fil-lingwi kollha l-kelma għandha tliet għamliet: te, bħal fil-Malti (te) u l-Ingliż (tea), cha, bħal fil-Portugiż (chá) u l-Persjan (chā), u chai, bħal fit-Tork (çay) u s-Sloven (čaj). Fi kliem ieħor, meta tixrob iċ-chai tea, tkun qed tieħu te te. Tant daħal fil-kultura tagħna li għandna parti mill-ġurnata ddedikata għalih, ħin it-te.
karg
Min ikun iridu ħafif u min jieħdu karg. Aġġettiv li ma tantx jitħallat ma’ nomi. Ġeneralment nużawh għall-intensità tal-kuluri, eżempju aħmar karg, jew għal te u kafè li jkun qawwi. Ġej mit-Taljan carico, jiġifieri mimli, intens, qawwi. Fil-fatt, it-Taljani jgħidu caffè leggero, bħall-Malti ħafif, jew caffè carico, appuntu karg.
kitla
Ġieli lanqas nittendu li dil-kelma ġejja mill-Ingliż kettle. Forsi għax tieħu l-plural miksur ktieli. Għandna kliem ieħor ta’ nisel Ingliż li tant intgħaġen mal-grammatika Maltija li jieħu l-plural miksur, bħal:
ċippa (minn microchip) u ċipep
skuna (minn schooner) u skejjen
klippa (minn clip) u klipep
ħarpun (minn harpoon) u ħrapen
serkin (minn sulky) u srieken
plakka (minn plug) u plakek
termos (minn thermos) u triemes
skrun (minn screw) u skrejjen
senter (minn centre breech loading shotgun) u snieter
Kos, hux? Xi ġmiel meta elementi mill-Ingliż jintisġu ma’ mekkaniżmi ta’ nisel Għarbi.
kikkra
L-istorja tagħha twila mhux ħażin. Ġejja mit-Taljan chicchera, li ħadha mill-Ispanjol tas-seklu 16 xícara (bl-Ispanjol modern jícara), missellfa minn kelma Azteka li tirreferi għall-qoxra ta’ frotta tropikali. Il-ħelwa hi li bit-Taljan aktar komuni li l-kikkra tissejjaħ tazza. Imma fil-Malti tazza nużawha għar-reċipjent tawwali bla widna, bit-Taljan bicchiere. Apparti l-widna, mnejn taqbadha, il-kikkra għandha x-xoffa, il-parti li tagħmel xofftok magħha. Bużnannietna din ilhom li nnutawha u minnha sawru ħaġa moħġaġa kemxejn imqarba:
sebgħek ġo toqbitha
u xofftok ma’ xoffitha
tettiera
Ir-reċipjent tond b’widna u żennuna li fih nisomtu l-weraq tat-te bil-misħun qabel ma nferrgħuh insejħulu teapot jew la Maltija tepott, inkella tettiera, kelma li dan l-aħħar reġgħet saret popolari bis-saħħa tal-kumpanija Tettiera li tispeċjalizza fit-te artiġjanali u li ħafna mit-tejiet tagħha tagħtihom isem sabiħ bil-Malti, bħal Għażiża, Trankwilla jew Tgħanniqa, te iswed imħawwar bil-ħarrub li mal-ewwel belgħa li tieħu, imisslek qalbek.