isfra

Il-plural ta’ isfar hu sofor, imma mhux meta nitkellmu dwar l-isfar tal-bajd (bl-Ingliż egg yolk). Hemm nużaw il-plural isfra. Ir-riċetti jgħidulek, Ħabbat l-isfra tal-bajd b’furketta u darba f’mitt qamar taf tinzerta bajda b’żewġ isfra. Il-plural jinbidel skont is-sens. Bis-sens!

kukka

Fi lsien it-trabi, il-bajda hekk tissejjaħ, kukka. Xi wħud jgħidulha kukkuwa.
Trid kukka, sabiħ?
Ħadtha l-kukka dalgħodu?
Fil-Malti, bħal f’xi lingwi oħrajn, il-kelma bajd tintuża kemm għal dawk li jbidu annimali bħat-tajr, il-ħut u r-rettili, kif ukoll għat-testikoli. U anki l-kukki, jew il-cookies, kif isibuhom xi wħud. Ajma kif qlajt il-kukki, jgħid min ikun ħa kedda tal-Beati Pawli. U miskin hu min jaqla’ daqqa fil-kukki.

sigrieti

Apparti kukki, għandhom laqmijiet oħra, bħal mażżri (qlajt il-mażżri tiela’ u nieżel) u sigrieti, li saħansitra Juan Mamo jsemmihom f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka. Meta Belen jiġri ġirja wara wieħed milli sparaw fuqhom, jaqbdu minn siequ, jissara miegħu, “u fl-aħħar, il-bravu Belen tagħna, jaħtaflu kollox, l-irqiq tiegħu, u l-ieħor għoxa u baqa’ ħiemed jagħsar għajnejh bl-uġigħ jgħajjat “ajma l-affori.”
– Tarox, ja mgħallaq, min kien? Gajton! Ħudha, ja fergħewn tal-infern: mur hemm max-xjoton sħobek li ħoduk magħhem. Ent mett ble preċett u hemm tinsob għax me berkulekx. Psu għal min tok l-ewwel qatra kif irvinajt famolja, psu! Ma ħallejtx wieħed minn dawk li ġew mill-Emilka! … Mut bis-sigrieti magħsurin, ja p… atrijarka!”
Attent meta tikxef is-sigrieti!

testment

It-Testment il-Qadim u l-Ġdid huma xhieda, testimonjanza, tal-kelma ta’ Alla, għax testis bil-Latin tfisser xhud. U minn dan l-għerq Latin ħareġ kliem bħal attesta (tixhed), protesta (tressaq xhieda), tikkontesta (turi xhieda oħra), u appuntu testikoli, li ġejja mil-Latin testiculi, xhieda żgħar. Għax it-testikoli jservu ta’ xhieda tal-irġulija. Tant li raġel li mhux raġel ngħidulu bla bajd.
Kont taf li raġel mingħajrhom jissejjaħ ewnuku? U annimal ikkastrat jgħidulu msewwi (il-qattus imsewwi, jew kif kienu jgħidu l-puliti, il-qattus iddoktorjat), fħuli (barrin fħulin), inkella ħasi jew moħsi (barri ħasi)ħasi tintuża wkoll għal serduq imsewwi biex jismen malajr.

avocado

Anki din il-frotta marbuta mal-bajd. Il-kelma daħlet fil-Malti mill-Ingliż, imma n-nisel tagħha hu Aztek. Minħabba l-għamla tagħha, l-Azteki dehrilhom li qisha testikolu, bi lsienhom ahuaktal. Meta waslu l-Ispanjoli fosthom, il-kelma dawruha għal ilsienhom, aguacate, u l-Ingliżi reġgħu dawruha għal avocado. Fi kliem ieħor, meta tiekol l-avocado, tkun qed tiekol ikla bil-bajd!

bil-bajda mdawra

Għal xi ħadd bin-nervi u b’geddum sal-art, ngħidu li jkollu l-bajda mdawra. Fil-bidu din l-idjoma la kellha x’taqsam mal-bajd u lanqas mal-burdata. Ġejja mit-Taljan avere le palle girate, li storikament kienet tirreferi għall-balal, palle, pallottole, mhux għall-bajd, palle. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, xi suldati Taljani kienu jdawru l-balal għax meta jisparawhom bil-maqlub ikunu iktar preċiżi u l-ħsara li jagħmlu lill-għedewwa tkun ikbar. Il-ġrieħi minn balla maqluba jkunu fondi u diffiċli tfejjaqhom. Skont il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, din id-drawwa kellha tieqaf, u l-agħar suldati, l-aktar aggressivi, dawk li jaqbillek tiskartahom kienu sewwasew dawk tal-bajda mdawra.

 

Fl-aħħar nett, taf għala tiġieġa tbid bajda bajda?