Tlaqna dawra mal-belt kapitali ħalli niskopru mnejn ġej l-isem ta’ xi żoni ewlenin.

Nibdew mid-daħla tal-Belt, Putirjal. Il-kelma ġejja minn Potra Reale jiġifieri l-Bieb Irjali. Inbena fi żmien il-Gran Mastru De Paule u nbidel ħafna drabi. Fis-seklu 19 twaqqa’ biex inbena ieħor b’żewġ entraturi. Reġa’ twaqqa’ fis-seklu 20, u fl-aħħar nett twaqqa’ fl-2011 biex issir id-daħla mfassla minn Renzo Piano. 

Id-Dijuballi jew id-Duwiballi, kif isibuh xi nies, hu żona fin-naħa t’isfel tal-Belt. L-isem jgħidu li ġej minn żewġ balal tal-kanun li kien hemm. Ma nafux jekk il-balal kinux ta’ veru jew tal-ġebel, minn dawk li nużaw bħala dekorazzjoni. Li nafu hu li fi Żmien il-Franċiżi, Triq San Nikola kienet imsemmija Rue des Duex Balles, appuntu t-Triq taż-Żewġ Balal.

Waqt li d-Dijuballi jagħmel mal-parroċċa ta’ San Duminku, l-Arċipierku jagħmel ma’ ta’ San Pawl. Dan l-isem għadna ma sibniex tarfu. Jidher li ġej minn arċipelagu, grupp ta’ gżejjer. Imma għala jissejjaħ hekk ma nafux. Forsi kien il-laqam ta’ xi ħadd jew l-isem ta’ xi bini? Min jaf?  

Il-Mandraġġ, li jagħmel mal-parroċċa ta’ Santu Wistin, hu daħla maqtugħa ġol-blat fin-naħa ta’ Marsamxett. Beda jitħaffer fis-seklu sittax biex isir bħal menqa fejn ix-xwieni tal-Ordni setgħu jiġu rmiġġjati. Għalhekk jissejjaħ hekk, mit-Taljan mandracchio. Ġara li l-proġett ma setax jitkompla għax il-blat kien żonqri, u xi nies li ma kellhomx fejn joqogħdu bdew jibnu l-kmamar kif ġie ġie. Il-post sar iffullat u maħmuġ, tant li l-kelma bdiet tintuża għal postijiet oħra ta’ faqar kbir.  

Kos hux, kull naħa tal-Belt għandha storja x’tirrakkonta.