L-annimali nxebbhuhom mal-bnedmin. Min jiffanga ngħidulu ħanżir. Min jiżbalja nlaqqmuh ħmar. Min jibla’ kollox ikun mazzun. Min jgħid ħafna tellerita. Min jissalvaġġja bodbod jew muntun. U nibqgħu sejrin hekk. Imma għala min jiftaħar ngħidulu fanfruMeta kont żgħir kemm-il darba mort għall-fanfri ma’ missieri u ma nafx li l-għamla jew l-imġiba tal-fanfri tista’ b’xi mod torbothom ma’ min jiddandan u jiftaħar b’rixu. Il-biċċa qiegħda hekk.

Il-ħuta fit-Taljan tissejjaħ pesce pilota jew pampano, li f’xi djaletti ssir fanfano. Il-Malti jidher li ħadha mill-Isqalli fanfaru jew nfanfaru. Aquilina fid-dizzjunarju ħdejn fanfru jagħti infanfru, forma li semagħha Għawdex. 

Proprjament fl-Isqalli hemm żewġ kelmiet bl-istess ħoss imma b’tifsira differenti:
fanfaru/nfanfaru¹
pesce pilota (il-fanfru, ħuta)
fanfaru/nfanfaru²
fanfarone, millantatore, spaccone, uomo che si dà delle arie (min iħobb jiftaħar jew, appuntu, jiffanfra)

Żewġ sensi li storikament m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin, iżda li fil-Malti ħsibniehom jiġu minn xulxin, bi żvilupp metaforiku, kif spiss jiġri fl-ismijiet tal-annimali.

Biex tagħqad, hemm ukoll il-kelma fanfarun, mill-Isqalli fanfaruni, li tfisser sewwasew xi ħadd li jħobb jiftaħar b’li għandu u b’li m’għandux. Il-forma mad-daqqa t’għajn (jew ta’ widna) taħsibha l-akkrexxittiv ta’ fanfru. U din aktarx kompliet issaħħaħ l-assoċjazzjoni tal-fanfru mal-ftaħir. 

Ara veru każ ta’ min jiftaħar jaqa’ l-baħar… mal-fanfri.