Hemm xi kliem li ġieli niktbuh magħqud u drabi oħra niktbuh mifrud, skont is-sens. Ħu minn everyday u every day fl-Ingliż. Bħala avverbju, fis-sens ta’ each day, niktbuh mifrud, eż. I walk to work every day. Imma jekk ikun aġġettiv, niktbuh kelma waħda, eż. I wear my everyday shoes to go to work, għax it-tifsira tinbidel. Dawn huma għaxar eżempji simili mill-Malti.

1. xħin u x’ħin

xħin = meta, waqt li
Xħin inlesti, immur niekol biċċa ħobż.
Waqgħet xħin kienet se tirkeb tal-linja.
Xħin tasal, tini ċempila.

x’ħin = ħin partikolari
X’ħin jibda l-film?
Driver, din il-karozza ta’ x’ħin hi?
Sieħbi, taf tgħidli x’ħin hu?

2. bilkemm vs. bil-kemm

bilkemm = kważi, għal ftit, ftit li xejn, ma tantx
Bilkemm nifhmu meta jitkellem.
Il-kelb għandu denbu żgħir bilkemm jidher.
Ilwiet sieqha u bilkemm setgħet timxi.

bil-kemm = b’xi ammont jew kwantità
Bil-kemm qiegħed it-tadam?
Il-bajjad bil-kemm jieħu s-siegħa?
Tiftakar bil-kemm ħadtu l-ħawħ ilbieraħ?

3. filwaqt vs. fil-waqt

filwaqt = mentri, iżda, waqt li
Filwaqt li ma ntihomx tort, lanqas nista’ ntihom raġun.
Missieru kien tabib filwaqt li ommu kienet mara tad-dar.
Wieħed hu dwar il-bizzilla filwaqt li l-ieħor hu dwar is-sajd bir-rixa.

fil-waqt = fil-mument, fil-ħin, f’waqt partikolari
Fil-waqt tal-inċident ma kinitx ħdejhom.
Irridu nkunu ppreparati fil-waqt tal-prova.
Ma tridx tittratieni, trid taġixxi fil-waqt.

4. biżżejjed vs. biż-żejjed

biżżejjed = mhux aktar milli hemm bżonn, daqshekk
Ma kellhomx flus biżżejjed.
Ma tafx biżżejjed fuq is-suġġett.
Issa biżżejjed għax ma nifilħekx aktar.

biż-żejjed = b’li fadal, b’li baqa’, b’li kien żejjed
Biż-żejjed li fadal, ħititli dublett.
Naħseb biż-żejjed nistgħu nħallsu reklam ieħor.
Temmen li biż-żejjed li kellu mela kaxxa oħra?

5. illejla vs. il-lejla

illejla = filgħaxija, illum fit-tard
Ħallejtkom, nies. Narakom illejla.
Jekk ma tagħmilx xita, illejla nieħdok dawra.
Illejla llejla! Naħseb aqta’ x’ġej!

il-lejla = is-serata, dakinhar filgħaxija
Din il-lejla m’jien se ninsieha qatt.
Il-lejla Maltija kienet suċċess.
Fil-ħemda ta’ dik il-lejla xitwija xi ħadd ġie jħabbtilna l-bieb.

6. minbarra vs. minn barra

minbarra = ħlief, għajr, apparti
Ġew kollha minbarra wieħed.
Minbarra l-laqgħat, il-kumitat jorganizza attivitajiet ta’ divertiment.
Kuġinuk, minbarra l-futbol, jilgħab it-tennis, il-waterpolo u l-hockey.

minn barra = il-maqlub ta’ minn ġewwa jew minn Malta
Mur ġibli l-injam minn barra.
Wasal xi apparat modern minn barra.
Il-karozza għandha bżonn tindifa minn ġewwa u minn barra.

7. għalkollox vs. għal kollox

għalkollox = kompletament, totalment, b’mod permanenti
Skont il-veterinarju, il-qtates fiequ għalkollox.
Marret tgħix Spanja għalkollox.
Id-dawl intefa għalkollox u waqa’ skiet taqtgħu b’sikkina.

għal kollox = għal kull ħaġa
Ħsibna għal kollox. Ma jonqosna xejn.
Għal kollox jinqala’, m’hemmx ħaġa li ma jafx jagħmilha.
Isib skuża għal kollox, ja mgħarraq l’hu.

8. minfuq vs. minn fuq

minfuq = għalkemm, minkejja
Minfuq li għentha, daret kontrija.
Rajt kif għamilt biex qdejtu u minfuq ġej igerger.
Minfuq li qabeż għalik, mank għedtlu grazzi.

minn fuq = il-maqlub ta’ minn isfel jew minn taħt
Tini ċans kemm inġib il-basket minn fuq.
Ir-ritratti ġbidthom minn fuq il-bejt tal-każin.
Qalu li waqa’ minn fuq is-sellum.

9. lanqas vs. l-anqas

lanqas = il-maqlub ta’ wkoll jew saħansitra
Emminni, lanqas naf x’qaltli.
Lanqas ħaqq kemm webbiltni biex ma morniex.
Il-vegani la jieklu bajd u lanqas prodotti tal-ħalib.

l-anqas jew l-inqas = is-superlattiv ta’ anqas/inqas
L-anqas marka ġabitha fil-Franċiż.
Dan ix-xahar l-anqas temperatura kienet ħames gradi.
Il-Maltin huma fost l-anqas li jaqraw.

10. dalwaqt vs. dal-waqt

dalwaqt = minn hawn u ftit ieħor, fi ftit ħin ieħor
L-ikel dalwaqt ikun lest.
Stennieni tikka, dalwaqt miegħek.
Dalwaqt magħna l-Milied.

dal-waqt = dal-ħin, dal-mument
F’dal-waqt ta’ diqa niftakar fihom u nkun nixtieqhom ħdejja.
Kien qed jistenna dal-waqt fuq ix-xwiek.
Mhux aħjar ma tgħid xejn f’dal-waqt?

Issa li tafhom, agħmel dan il-kwiżż.