Naħseb l-aktar ħrafa popolari magħna l-Maltin hi l-istorja ta’ Ġaħan u l-bieb. Din il-praspura ta’ Ġaħan issibha f’ħafna kotba, fosthom fil-ktieb Ġabra ta’ Ward ta’ E.B. Vella. L-istorja qiegħda hekk:

Kien il-Ħadd, u omm Ġaħan riedet tmur il-quddies kmieni. Ġaħan kien iħobb il-friex u ma riedx iħalli s-sodda dak il-ħin. Ommu libset u, qabel ħarġet, qaltlu:
“Ibni, jien sejra l-knisja. Inti qum, u meta toħroġ, qis li tiġbed il-bieb warajk”.
“Tieħu ħsieb xejn, ma”, wieġeb Ġaħan.

 

Wara ftit qam, libes, u lesta biex joħroġ, meta ftakar f’dak li qaltlu ommu. X’għamel? Fetaħ il-bieb, qalgħu, qabdu mill-ħabbata u beda jiġbdu warajh. Mhux hekk kienet qaltlu ommu?

Wieħed jista’ jaħseb kemm daħku n-nies meta raw lil Ġaħan ikarkar il-bieb tad-dar.
Wasal il-knisja u baqa’ dieħel b’dawk il-ħsejjes kbar.
Kulħadd tbissem u qal: “Ara Ġaħan biex ġej!”
Ommu li kienet hemm tara u tisma’, intilfet bil-mistħija. Resqet lejn Ġaħan u qaltlu: “Hemm x’għamilt, miġnun?”
“Ma,” wieġeb Ġaħan, “mhux int għidtli biex niġbed il-bieb warajja meta noħroġ mid-dar?”