Kultant kelma ngerfxuha ma’ oħra tixbahha ferm. Bħal meta bl-Ingliż xi ħadd jgħid for all intensive purposes flok for all intents and purposes inkella I love to dance the flamingo flok flamencoDan l-użu tad-daħk ta’ kelma b’oħra jissejjaħ malapropiżmu. Dawn li ġejjin huma ħames malapropiżmi komuni sew fil-Malti. Jekk ma tridx taqa’ għaċ-ċajt, isma’ minni u tibqax tħawwadhom.

xbin u ġbin

Xbin tfisser parrinu u ħabib tiegħek, xi ħadd li tafu sew.
Il-ġbin hu l-ogħla parti tal-wiċċ, il-wesgħa minn fuq il-ħuġbejn sa fejn jibda x-xagħar.
Mela niktbu: kif int xbin? mhux kif int ġbin?
…sakemm ma tkunx qed titkellem mal-għaraq ta’ ġbinek.

il-lbieba u l-bieba

Il-lbieba hi l-qalba tal-ħobż.
Il-bieba tal-cupboard jew tal-karozza.
Mela niktbu: il-lbieba tal-ħobż mhux il-bieba tal-ħobż
…sakemm ma tikolx xi daqqa ta’ bieba.

seffaq u saqqaf

Seffaq marbut ma’ sfiq, jiġifieri wiċċu jagħtih.
Saqqaf marbut ma’ saqaf.
Mela niktbu: isseffaq wiċċek mhux issaqqaf wiċċek
…sakemm ma tkunx tatek permess il-MEPA tibni saqaf fuq wiċċek.

qalfat u qanfed

Qalfat ifisser keċċa, tefa’ ’l barra.
Qanfed ifisser ħarbat ix-xagħar, qajmu, gerfxu.
Mela niktbu: qalftu ’l barra mhux qanfdu ’l barra
…sakemm ma qagħadx iqanfidlu xagħru qabel ma qalftu ’l barra.

żejt u żejjed

Żejt hu l-likwidu li ssajjar bih jew dak li Malta ilha sekli sħaħ tfittex f’qiegħ il-baħar.
Żejjed hu l-wisq, l-eċċessiv.
Mela niktbu: taż-żejjed u n-nieqes mhux taż-żejt u n-nieqes
…issa stampaha f’moħħok u terġax, għax iż-żejt kollu żejjed.

 

Immarka lil xi ħadd li jħawwadhom ħalli ma jerġax