Tista’ tgħid sar is-snack tradizzjonali. Ismu ġej mill-Isqalli pastizzu. L-idea jidher li ħadnieha mingħand sħabna l-Isqallin, imma r-riċetta maż-żmien tajnieha bixra Maltija. 

Il-pastizz tipiku jkun magħmul minn għaġina sfiljurata, li tissejjaħ appuntu għaġina tal-pastizzi, u jkollu għamla tawwalija b’żewġ qarnuniet, bix-xaqq fin-nofs jekk tal-irkotta u mingħajru jekk tal-piżelli. Imma mhux kollha hekk. Xi pastizzi jkollhom għaġina u forma differenti. Ikunu ġejjin fit-tond, sħiħ jew nofs, u jissejħu tax-xema’. Anki l-mili tal-pastizzi jvarja. Hemm tal-laħam, tal-inċova, l-aktar fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira, u saħansitra taċ-ċikkulata. Imma l-mili klassiku jibqa’ l-irkotta jew il-piżelli. Tal-irkotta xi nies isibuhom tal-ħaxu. Oħrajn jgħidulhom tal-ġobon, għax dari kienu jimlewhom bil-ġbejniet.   

Minn pastizz noħorġu ħafna kliem. Il-pastizzar jagħmel il-pastizzi u jbigħhom fil-pastizzerija. Issib waħda kull żewġ kantunieri. Hemm ukoll il-pastizzott. Għal xi nies, il-pastizzotti huma pastizzi żgħar, bħal dawk li jitqassmu f’xi riċeviment, filwaqt li għal oħrajn huma bħal pastizzi kbar, speċi ta’ torta għamla ta’ maqrut.

Il-kelma pastizz għandha tifsir ieħor. Nużawha għal min ikun artab f’għemilu, bla ħila ta’ xejn, bħala ewfemiżmu għall-parti tal-mara, u jekk ħaġa tkun popolari jew naraw ħafna minnha, ukoll inxebbhuha mal-pastizz. Ngħidu, pereżempju, il-permessi għall-iżvilupp ħerġin qishom pastizzi.    

Qawl Malti antik jgħid: Il-pastizz m’għandux jinkiser qabel ma tkun tlieta. Skont is-superstizzjoni, jekk ma jkunx hemm tlieta min-nies f’daqqa, u tibda tiekol il-pastizz, jista’ jaqa’ xi risq ħażin fuqek. Mela mistagħġbin kemm hawn nies żvinturati hawn Malta!