Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ilsien Malti:

Ilsien Pajjiżi

ta’ Anastasju Cuschieri

Fost l-ilsna kollha, ja lsien pajjiżi,
isbaħ u bħalek jien ma narax;
ruħi mingħajrek bħal fomm imbikkem
li jrid jitkellem u ma jistax.

Għani f’faqartek, kbir fi ċkunitek,
taqbel ma’ qalbi, taqbel mal-ħsieb;
bik fuq xufftejja il-mewt għad nara
tad-dinja l-oħra tiftaħli l-bieb,

Int li tfakkarni fi żmien tfuliti
mita ma’ sħabi kont jien immur
naqbez niġġerra, nilgħab u ninbex,
jew għal xi bejta nitla’ ma’ sur;

Int li tfakkarni kemm Malta kienet
dari msemmija ma’ kullimkien,
sakemm marbuta baqgħet ma’ ġmielek,
sakemm ħassruha in-nies u ż-żmien.

Fik jiġri ħsiebi jekk xbejba tagħżaq
b’xi libsa mqattgħa tperper mar-riħ
nara u mid-daqqa li tat l-imgħażqa
nikxef il-qawwa ta’ dak id-driegħ.

Fik jiġri ħsiebi jekk f’xatt il-baħar
mixħut fuq blata nilmaħ daqqiet
bħal qrun tal-fidda għaddej il-qamar
jiddi u jitkellem mas-sħab u s-skiet.

Leħnek jien nisma’ jekk rasu mmejla
fuq tarf ta’ fergħa jgħanni tal-bejt,
iktar jekk jidwi, jingħi f’widnejja
il-biki, Malta, li dejjem bkejt.

Fost l-ilsna kollha, ja lsieni pajjiżi,
isbaħ u bħalek jien ma narax;
ruħi mingħajrek bħal fomm imbikkem
li jrid jitkellem u ma jistax.

Għalik jien Malti, u bajda u ħamra
dik il-bandiera u nsellem jien;
int nisel tajtni kbir u qalbieni,
ħsieb u qalb lilek nagħti flimkien.