Tnejn jistennew għand id-dentist. Fuqiex jaqbduha? Fuq it-temp.
X’ġurnata ħarġet illum, hux?
Tnejn jgħidu li kellhom jgħidu. Fuqiex idur id-diskors? Fuq it-temp.
X’kesħa qed tagħmel dan l-aħħar!
Ara ġejjin ħames kelmiet meteoroloġiċi, ħalli d-darba li jmiss ikollok fuqiex titkellem.
tisreġ
Meta x-xemx tisreġ (bis-s mhux biż-ż, tronġ), tarmi ħafna sħana u tant tiddi li tgħammixlek għajnejk. Biex niddeskrivu s-sirġa tax-xemx ngħidu xemx taqli l-ftajjar jew xemx taqli l-ġrieden, imsieken. U hemm min jgħid xemx tixwi l-ankri. Ma tantx jaqbillekx toqgħod tilgħaq ix-xemx meta tkun tisreġ… ma tmurx taħraq ilsienek!
ċlampu
Nużawha meta l-ajru jkun mgħajjeb, tqil u mudlam, umdu u jwaħħal, b’ħafna sħana u tidlik tar-riħ isfel. X’għaxqa! Meta xi ħadd ikun burdata ħażina, b’geddum jiknes l-art, ngħidu: Illum biċ-ċlampu.
rwiegel
Il-kelma rwiegel hi l-plural ta’ riegla, jiġifieri regola, u tirreferi għal mod popolari kif tbassar it-temp. Dari ma kellhomx gazzetti u siti tal-internet bit-tbassir tat-temp. Allura f’Diċembru kienu jagħmlu l-irwiegel biex ikollhom idea tat-temp għas-sena li tkun waslet biex tibda. Kienu jaqbdu t-tnax-il jum ta’ qabel il-Milied, mit-13 sal-24 ta’ Diċembru, u josservaw it-temp f’dawn il-ġranet. Kull ġurnata tikkorrispondi għal wieħed mit-tnax-il xahar tas-sena. Ngħidu aħna, jekk fit-13 ta’ Diċembru tagħmel ix-xita, mela f’Jannar se jkollna temp ikrah. Jekk l-għada jisbaħ bnazzi u mbagħad jissaħħab u jagħmel l-ilma, mela għall-ewwel nofs ta’ Frar għandu jkollna temp sabiħ imma għat-tieni nofs għandna nistennew il-maltemp.
Imma jaqtgħu xejn dawn l-irwiegel? Ma nafx ngħidlek. Li hu żgur hu li hemm min jagħmilhom bħala logħba imma ssib min jidħol għaliha bl-akbar serjetà. Biex naraw jaħdmux, irridu nippruvawhom.
rxiex
Meta tkun ġejja x-xita, ġieli tibda nieżla ħafif ħafna. Donnu mhux qtar jinżel imma raxx ħafif. Ixxarrbek bla ma tara qtar. Dan il-qtar fin insejħulu rxiex. Imma x-xita mhux dejjem tinżel hekk. Il-qawwa tagħha tvarja u anki l-kliem biex niddeskrivuha. Taqbad traxxax, imbagħad tqattar u ttektek mal-ħġieġ. Iżżid, jinfetħu bwieb is-sema u tibda nieżla qliel. Qliel hu l-plural ta’ qolla, li tkun bħal ġarra għall-ilma, l-inbid u likwidi oħrajn. Mela l-espressjoni xita qliel tfisser li tkun qisha nieżla bil-bramel. Ġieli tagħmel ħalba xita jew bexxa xita u ġieli jagħmel dulluvju. U kif qed nitkellmu fuq ix-xita, ta’ min insemmu kelma oħra…
tlanġas
Ix-xita tlanġas ngħiduha meta tagħmel ħafna xita u tibda nieżla kull qatra daqsiex. Dan il-verb marbut mal-kelma lanġasa, aktarx għax il-qtar tax-xita, meta jkun kbir, ngħidu li jkollu għamla ta’ lanġasa, dejqa minn fuq u wiesgħa u għat-tond minn isfel. Ix-xjenza tgħallimna li qatra xita jkollha forma ta’ sfera mhux ta’ lanġasa. Iżda aħna l-immaġinazzjoni tiġri bina: qalb tad-demm u l-laħam inpinġuha bħall-qalb ta’ San Valentinu u qatra xita nxebbhuha ma’ lanġasa.
Bilħaqq…
Il-kliem marbut mat-temp kemm-il darba nużawh biex infissru dak li nkunu għaddejjin minnu.
Tiġri xi ħaġa kerha għal għarrieda ngħidu: ġiet bħal sajjetta fil-bnazzi
Meta jkun riesaq l-għawġ ngħidu: beda jberraq!
Naraw lil xi ħadd bil-buri, bil-geddum, ngħidu: illum riħ isfel
Imma jekk ikun kuntent, wiċċu għad-dawl, ngħidu: illum riħ fuq
Jekk ngħaddu minn żmien ħażin, ngħidu: għaddejna minn burraxka
Burraxka hi kelma oħra għal maltempata. L-importanti ma ninsewx li wara l-maltemp jiġi l-bnazzi.