Kont taf li Malta għandha tliet ilsna uffiċjali?
Il-Malti
Barra li hu lingwa uffiċjali, il-Malti hu wkoll l-ilsien nazzjonali, u wieħed mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Bejn il-Maltin ta’ Malta u ta’ barra (l-Awstralja, il-Kanada, ir-Renju Unit, il-Belġju, il-Lussemburgu, eċċ), il-Malti jitkellmuh aktar minn nofs miljun ruħ. Tal-inqas, hekk jgħid l-Ethnologue.
Hawn Malta kważi kulħadd jafu l-Malti. Skont iċ-ċensiment tal-2011, 93.2% tan-nies, ta’ 10 snin jew aktar, jafu l-Malti sew. F’dawn l-aħħar seba’ snin, il-figuri aktarx inbidlu xi ftit biż-żieda tal-barranin jgħixu fostna. Apparti l-Malti standard, insibu għadd ġmielu ta’ djaletti. Dwar dawn, nitkellmu darb’oħra.
L-Ingliż
It-tieni lsien uffiċjali hu l-Ingliż. Mhux l-Ingliż tar-Reġina, imma l-Ingliż Malti, il-Maltese English, jiġifieri l-Ingliż kif jitkellmuh il-Maltin, bit-th imlissna t (thin) jew d (this), bir-roster li jsir rowster, u b’thank God li ssir tenks Gott. Jekk noqogħdu fuq l-aħħar ċensiment, żewġ terzi tal-popolazzjoni ta’ 10 snin jew aktar jafu jitkellmuh sew, 16.3% iċekċku xi ħaġa bl-Ingliż, u madwar 17% ma jafux għajr yes, no, please u tankju inti.
Il-Lingwa tas-Sinjali Maltija
Fl-2016, il-Lingwa tas-Sinjali Maltija (LSM) saret it-tielet lingwa uffiċjali tal-gżejjer Maltin. Xi wħud jaħsbu li lingwa tas-sinjali hemm waħda biss. Skont l-Ethnologue (2013), madwar id-dinja hemm 137 lingwa tas-sinjali, fosthom il-Lingwa tas-Sinjali Amerikana, Franċiża, Spanjola, Griega, Ċiniża. U magħhom hemm il-LSM. Tista’ taqra iktar dwarha fis-sit tal-Għaqda Persuni Neqsin mis-Smigħ. Kif qegħdin hawn, ejja naraw kif tesprimi l-kuluri bil-LSM:
Colours – Maltese Sign Language
Sign Colours
Posted by Maltese Sign Language on Sunday, November 10, 2013