L-imgħawweġ

“Jiena ngħawweġ, nitkellem bl-imgħawweġ.” Minn kif nitħaddtu dwaru, id-djalett donnu xi għamla korrotta tal-lingwa, verżjoni inferjuri mhux ta’ quddiem in-nies. Issib min jgħidlek, “Tgħawwiġx, tkellem bil-pulit!”. Il-Malti standard pulit u l-Malti djalettali mgħawweġ. Iżda din mhix kwistjoni ta’ dritt u mgħawweġ. L-istandard hu l-lingwa li tipikament nużaw fil-pubbliku, fl-edukazzjoni, fl-amministrazzjoni, fil-mezzi tax-xandir, u l-bqija, u li għandha dizzjunarju, grammatika, letteratura u ortografija stabbilita. Id-djalett hu varjetà tal-lingwa marbuta ma’ reġjun partikolari. Ngħidu aħna, fil-gżejjer Maltin insibu għadd ta’ djaletti bħall-Mosti, in-Naduri, iż-Żurrieqi, is-Sannati u l-Qormi.

Djalett u aċċent

Ħafna jfixklu d-djalett mal-aċċent. L-aċċent jirreferi għall-pronunzja, għall-kisra partikolari fit-taħdit li tagħżel komunità minn oħra. Għall-argument, il-kelma raġel biż-Żejtuni tingħad ruġel u bin-Naduri ruġul. Inkella l-kelma kollox tingħad killex Ħaż-Żebbuġ, killix Ta’ Sannat, u kullox jew kullux Marsaxlokk. Id-djalett, mill-banda l-oħra, jirreferi mhux biss għal differenzi fit-tlissin, imma wkoll għal differenzi fil-grammatika u fil-vokabolarju. Allura, il-mistoqsija tqum waħedha: hawn Malta x’għandna djaletti jew aċċenti?

Aċċenti

Aċċenti għandna żgur, għax il-kliem jitlissen differenti minn raħal għal ieħor. Pereżempju, sigħat f’xi lokalitajiet tingħad sagħat, baħar tingħad beħer, u sema tingħad seme jew aħjar semæ, għax il-vokali tat-tarf la hi a u lanqas e, iżda ħoss vokaliku ieħor li jinsab fil-Malti djalettali imma mhux fl-istandard. Id-differenzi fost id-djaletti ma nsibuhomx biss fil-vokali, imma anki fil-konsonanti. Ix-Xewkija l-q bosta jlissnuha k, bħal f’kuddiem (quddiem) jew trik (triq). Fiż-Żejtuni u x-Xlukkajr il-m xi drabi ssir b, eżempju b’ogħla hawn (m’ogħla hawn) u bumli xkura (mimli xkora). F’xi djaletti l-akka ġieli tinħass: issib min jgħid daħri (dahri) u deħeb (deheb). Fid-djalett tal-Għarb u f’xi djaletti Għawdxin oħrajn saħansitra tinstema’ l-għajn, li storikament kienet ir-rgħajn. Fi kliem bħal dgħajsa, għana u xogħol l-għajn titlissen bħar-r tal-Franċiż. Ismagħha hawn.

 

Imma mhux biss

Apparti dawn id-differenzi fil-pronunzja, insibu wkoll differenzi grammatikali. Ngħidu aħna, fid-djaletti Għawdxin il-plurali ta’ torta u karozza mhumiex torti u karozzi imma torot u kroroz. Il-ġens ta’ biro għall-Għawdxin hu maskili (eż. biro iswed), waqt li għall-Maltin hu femminili (eż. biro sewda). Minflok naqta’ xagħri jew naħsel xagħri, ħafna Għawdxin jużaw naqta’ x-xagħar u naħsel ix-xagħar.
Iż-Żejtun u Marsaxlokk in-negattiv ta’ huwa jiġi mihux (mhuwiex) u n-negattiv ta’ huma jiġi mihomx (mhumiex). In-naħa ta’ fuq ta’ Malta (fost l-oħrajn, il-Mosta, il-Manikata, il-Mellieħa) u Għawdex il-komparattiv ta’ baxx mhux aktar/iżjed baxx iżda ibxex jew ibaxx (eż. l-għatba ibxex mill-oħra). Iż-Żurrieq, l-Imġarr u xi rħula oħrajn minflok mhux qed/qiegħed jgħajjat jużaw ma qedx/qigħedx jgħajjat, forma tan-negattiv li ma nsibuhiex fil-Malti standard.

Kliem differenti

Fost id-djaletti Maltin u Għawdxin insibu wkoll varjazzjoni lessikali, jiġifieri kliem differenti għall-istess oġġett jew għemil. Ngħidu aħna, f’xi rħula l-antiporta tissejjaħ boxxla. In-nannakola r-Rabat u Ħad-Dingli jsejħulha żajba żajbona, is-Siġġiewi semperlina, u l-Imqabba żeppellina. Terġa’, bnadi oħra jsibuha żabbettina, sebbellika jew barbazjola. In-naħa taż-Żurrieq, Ħal Safi u l-Qrendi, apparti l-interjezzjoni jaqq, tintuża wkoll ħajz, bl-istess tifsira ta’ taqżiż (eż. ħajz kemm hu ħażin l-ikel!). Din l-interjezzjoni tintuża anki Għawdex. It-tajra, dak il-ġugarell li ntajru fis-sema, iż-Żejtun u Marsaxlokk magħrufa bħala manuċċa, u f’xi lokalitajiet oħrajn tissejjaħ fjamma jew ħamiema. Dawn id-differenzi fil-vokabolarju joħorġu l-aktar meta nqabblu t-taħdit tal-Maltin ma’ tal-Għawdxin, kif jidher f’din l-illustrazzjoni ta’ Glenn Ellul:

Ladarba nsibu dawn id-differenzi fil-pronunzja, fil-grammatika u fil-vokabolarju, nistgħu bla tlaqliq ngħidu li, minkejja ċ-ċokon tagħhom, ħafna bliet u rħula Maltin u Għawdxin għandhom djalett partikolari li jagħżilhom mill-bqija.

Verżjoni ta’ dan l-artiklu dehret fir-raba’ ħarġa tar-rivista Encore.