North, south, east, west. Bl-Ingliż donnu kulħadd jafhom. Imma bil-Malti xi wħud bilkemm jagħrfu l-Lvant mill-Punent. Aħseb u ara kemm jafu jgħidulek x’jiġi northeast jew southwest bil-Malti. Nitgħallmuhom bil-Malti darba għal dejjem, xi tgħid? 

Toni tal-irjieħ

Ħafna jitgħallmuhom permezz ta’ sentenza mnemonika li fiha jissemma ċertu Toni.
Toni Grima laħaq xtara nofs landa patata maxx
L-ewwel ittra ta’ kull kelma tirrappreżenta riħ fil-warda.

Bħalha hemm oħrajn:
Toni Grima legleg xi nofs litru Pepsi maqtugħ
Toni gerger li xtara nofs lira pastizzi maħruqin
Toni gerger li xi nies libbsuh papoċċ maħmuġ
Toni, Ġanni u Leli xtraw nofs landa piżelli mħassra
Toni Grech laħaq xtara nofs lira patata mixwija
Toni Grech liebes xalla, majjal pulit liebes nuċċali

Nibdew bl-irjieħ maġġuri: it-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Punent u l-Lvant.

It-Tramuntana

Ismijiet oħra
ix-Xmiel, in-Nord

Tifsira oħra
L-Għawdxin u l-Melliħin il-kelma
tramuntana jużawha għax-xufftejn li jinqasmu bil-bard. Bnadi oħra jgħidu aħtriq (jew riħ triq) inkella sried.
Kurżità
Peress li dan hu l-uniku riħ femminili, biex jiċċajtaw jgħidu t-Tramuntana mara, għax kiesaħ silġ.
Terġa’, oħrajn jgħidulu sorm ta’ mara, għax skonthom in-nisa jkollhom il-warrani kiesaħ.
Qawl antik jgħid Tramuntana mara sewwa, imma fuqha ma torbotx, inkella Tramuntana isem ta’ mara; meta tagħmilha, tagħmilha, jiġifieri meta r-riħ mit-Tramuntana jkun kiesaħ, ikun kiesaħ ta’ veru.

In-Nofsinhar

Ismijiet oħra
il-Qibla, is-Sud
Kurżità
L-ismijiet tal-irjieħ ġejjin mit-Taljan. Dan mad-daqqa t’għajn taħsbu ġej mill-Għarbi. Tassew li nofs u nhar huma ta’ nisel Għarbi, iżda l-kelma ġejja mit-Taljan mezzogiorno li tfisser it-tnax-il siegħa tal-jum (nofsinhar) u s-Sud (in-Nofsinhar). Eżatt bħall-Malti. 

Il-Lvant

Ismijiet oħra
ix-Xarq, l-Orjent, l-Est
Kurżità
Din il-kelma ġejja mit-Taljan levante, il-partiċipju ta’ levare, jiġifieri tqum, titla’. Għax ix-xemx titla’ mil-Lvant.
Qawl meteoroloġiku jgħid il-Lvant jimla l-vagant, jiġifieri r-riħ mil-Lvant itella’ s-sħab u jimla l-vagant, fejn ikun vojt. U skont qawl ieħor, Min jitwieled taħt stilla tal-Lvant ħajtu tkun kollha hena u kant. Jekk titwieled bil-kwiekeb lejn il-Lvant, f’għomrok ikollok ħafna ferħ u ġid.

Il-Punent

Ismijiet oħra
l-Għarb, l-Oċċident
Kurżità
Fil-qwiel, il-Punent hu spiss marbut max-xita. Il-Punent iwiegħed u jagħti, jiġifieri r-riħ mill-Punent iġib ix-xita. U jgħidu Ix-xita mill-Punent ma tħallix warajha lment. Dan ir-riħ iġib miegħu ħafna xita, u l-bidwi ma jkollux xi jgorr.
Kurżità oħra
Ir-raħal Għawdxi jismu l-Għarb sewwasew għax qiegħed fil-Punent tal-gżira. Anki l-Maghreb, ir-reġjun fil-Punent tal-Afrika ta’ Fuq li jinkludi l-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija u l-Libja, hu marbut ma’ din il-kelma. De Soldanis fid-dizzjunarju jagħti l-verb għarrab, jiġifieri tinżel, għax ix-xemx tinżel fl-Għarb, fil-Punent.

Nofs irjieħ

In-nofs irjieħ huma l-Grigal (NE), il-Majjistral (NW), il-Lbiċ (SW), u x-Xlokk (SE). Minn dawn l-irjieħ sekondarji, apparti l-Lbiċ, noħorġu nom bis-suffiss -ata, li jfisser riħ qawwi minn dik id-direzzjoni: grigalata, majjistralata, xlokkata. Ix-Xlokk magħruf bħala riħ isfel. Għalkemm riħ isfel jista’ jkun ukoll il-Grigal, il-Lvant, in-Nofsinhar u l-Lbiċ. U riħ fuq jiġi l-Majjistral, il-Punent u t-Tramuntana. Min ibati bil-burdati nqabbluh mar-riħ. Min ikun kuntent, wiċċu għad-dawl, ngħidu, “Illum riħ fuq!”. Imma meta jkollu geddum sal-art, ngħidu, “Illum riħ isfel, bil-bajda mdawra!”.

L-irjieħ imbagħad jerġgħu jinqasmu:
Grieg it-Tramuntana (NNE)
Grieg il-Lvant (ENE)
Xlokk il-Lvant (ESE)
Nofsinhar ix-Xlokk (SSE)
Nofsinhar il-Lbiċ (SSW)
Punent il-Lbiċ (WSW)
Punent Majjistru (WNW)
Majjistral it-Tramuntana (NNW)

Insomma, daqshekk skużi. Jonfoħ mnejn jonfoħ, issa taf x’jgħidulu bil-Malti.