Ħames kelmiet għal min hu sħun, nittien, moħħu maħmuġ… jew forsi le.

foxxa

Fejn sejjer b’rasek? Foxxa hi mara ħoxna, mibruma, soda u godlija. Mara fiha qabda, biex niftiehmu. Fil-fatt fl-Ipoġew instabet statwa ta’ mara ħoxna mimduda li hi magħrufa bħala l-Foxxa ta’ Ħal Saflieni.

ħara

Le, mhux kif kont inti nhar is-Sibt. L-ewwel a mkarkra: ħaara. Il-ħara hi triq twila, żona, qasam art mibni bid-djar. Il-ħara tagħna tiġi fejn noqogħdu aħna bil-ġirien u djarhom; bl-Ingliż neighbourhood.

filoxx

Tip ta’ drapp irqiq qisu xibka, bl-Ingliż tulle, li npoġġuh fuq il-benniena tat-trabi biex ma jigdimhomx in-nemus u fuq il-ħelu jew il-ħobż biex ma jiġix id-dubbien fuqu. Jintuża wkoll fl-ilbies, speċjalment fil-libsa u l-velu tal-għarusa.

ħaxja

Qed taqraha ħażin. L-a mkarkra wkoll: ħaaxja. Il-ħaxja hi bordura fuq ġenb ta’ pezza drapp, xifer mad-dawra tad-drapp man-nisġa biex ma jiżżarradx. Xejn mhi erotika.

moxxa

U kif nistgħu nħallu barra? Il-ġbejna moxxa, ġbejna li tkun qed tinxef imma tkun għadha m’għaqditx għalkollox. Tkun bejn friska u niexfa… Issa mur naddaf moħħok!

 

Verżjoni ta’ dan l-artiklu kienet dehret fis-sit Lovin Malta