Bejn Malta u Għawdex hemm baħar jaqsam. Fil-kliem, żgur mhux forsi.
Huma ħafna l-espressjonijiet li l-fliegu ma jaqsmuhx. Vassalli fl-1796 kiteb hekk dwar id-dizzjunarju ta’ Agius de Soldanis, li kien Għawdxi: “Jiena u nqalleb il-kitba li ħalla b’idejh is-Sur Kanonku Agius fil-Biblijoteka pubblika ta’ Malta bl-isem Damma sibt xi ftit mijiet ta’ kliem li ma kontx naf bihom, u li qatt ma kont smajthom qabel f’Malta”.
Dawn huma ħames kelmiet li meta jużawhom l-Għawdxin, il-Maltin bilkemm jifhmuhom.
trampi
Kemm konna naqtgħu trampi meta konna tfal
Trampi huma kummiedji, bużullotti, ħmerijiet. Insomma xi ġest li bis-saħħa tiegħu tidħak daħka tajba jew iddaħħak lil ħaddieħor bik. Waħda trampa, u m’għandhiex x’taqsam ma’ Trump.
għakruxu
Ejja mexxi, qisek għakruxu
Il-bebbux tal-art, l-isem xjentifiku Helix Pomatia, hekk isibuh l-Għawdxin.
Ħafna jgħidulhom għekierex: Fix-xitwa nħobb nagħmel l-istuffat tal-għekierex.
Din il-kelma, l-aktar fil-plural, darba fill tintuża wkoll f’xi rħula Maltin, bħal Marsaxlokk.
ħaxxem
Miskin, ħaxxem sebgħu mal-kexxun
Il-Maltin jgħidu għalqu jew qarsu mal-kexxun. Imma l-Għawdxin ħaxxmu jew tħaxxem.
Dan il-verb popolari sew fost l-Għawdxin. Malta jingħad biss minn ftit nies f’xi rħula bħal Ħal Għargħur.
bankunċini
Ħadna tazza te u żewġ bankunċini
Il-pastini tradizzjonali tal-lewż, li ħafna drabi jkollhom karta tal-ostja mal-qiegħ, l-Għawdxin bankunċini jsibuhom. Jekk tkun Għawdex u joffrulek bankunċin, issa taf x’inhu.
ħajz
Ħajz kemm hu ħażin l-ikel
L-Għawdxin flok jaqq iħobbu jgħidu ħajz jew qajz. Malta rari ħafna din il-kelma. Għandek mnejn tismagħha jekk tkun għaddej minn xi raħal bħaż-Żurrieq jew il-Qrendi. Però, l-Għawdxin jużawha f’kuntesti differenti minn jaqq:
Ħajz għalik, missek tistħi!
F’dan il-kuntest tixbah il-frażi għajb għalik.