Ngħiduha kif inhi, il-futbol fih ħafna kliem ta’ nisel Ingliż: minn xutt u xxuttja sa skorja, minn gowl sa fawl u ffawlja, minn plejer sal-kelma futbol stess. Biss, aħna u nitkellmu – ċoè nitbaqbqu – fuq il-futbol, kultant nissellfu kelma jew espressjoni mill-Ingliż bla bżonn, għax diġà jkollna waħda taqdina tajjeb. Ħu minn dawn il-ħamsa li għażlilna Keith Attard, l-awtur ta’ Ballun Pinġut.

iddribilja flok għaqqadha

Meta plejer jagħmel mossa biex ifixkel lill-avversarju bil-ħsieb li jaqbżu, ngħidu għaqqadha jew għaqqadhielu. La jużawha t-tfal meta jilagħbu l-futbol, għala l-kummentaturi donnhom jinsewha?

iħħeddja flok tah bir-ras

Meta plejer jolqot il-ballun b’rasu, bit-tir li jiskorja jew iqassam lil sħabu, ngħidu ta daqqa ta’ ras jew tah bir-ras. U kif qed nitkellmu fuq it-tqassim tal-ballun, ma’ din nistgħu nżidu l-verb ippassja flok qassam jew għadda l-ballun, inkella ta l-ballun, bħal meta ngħidu, “X’ballun tah!” U la flok ippassja tista’ tgħid qassam, għal pass għandna tqassima, eżempju, “Tah tqassima tajba”.

ikkrossja flok dendlu

Meta plejer jitfa’ l-ballun minn mal-linja lil sieħbu f’pożizzjoni ċentrali ngħidlu li jkun dendel il-ballun jew dendilhulu. Ġieli nużaw tema’ l-ballun ukoll. Xi wħud jgħidu li kkrossja u ta kross saru parti mil-lingwaġġ tal-futbol. Oħrajn tal-fehma li jaqblilna nroddulhom il-kr… is-salib.

iċċestja flok niżżlu fuq sidru

Meta plejer jirċievi ballun mill-għoli u jikkontrollah b’sidru, ngħidu niżżel il-ballun jew niżżlu fuq sidru. Min ma jkunx jafha, tisimgħu juża ċċestja #ħallinaminnek

iċċejsja l-logħba flok ġera wara r-riżultat

Meta tim li jkun minn taħt ifittex li jġib id-dro, nużaw l-idjoma ġera wara r-riżultat. Meta tim ikun qed jitlef, iġib id-dro, imbagħad jaqla’ gowl ieħor u jerġa’ jipprova jġib id-dro, ngħidu, “Il-ħin kollu jiġru wara r-riżultat”.

 

U bħal dawn iż-żarżiriet hemm oħrajn. Nistgħu nsemmu kkattja ‘l ġewwa flok qata’ ‘l ġewwa jew daħal għan-nofs, meta plejer ikun qiegħed f’pożizzjoni mġennba fl-attakk u jidħol għan-nofs, inkella xxildja l-ballun flok iddefenda l-ballun, meta plejer jitfa’ ġismu quddiem il-ballun biex jipproteġih u ma jħallix l-avversarju joħodhulu. Issa tibqax tagħmel fawls bi lsienek!