Żewġ vokali joqogħdu ħdejn xulxin?
Insa x’kienet tgħidlek Miss Grima.
F’kelma nistgħu niktbu żewġ vokali ħdejn xulxin meta l-ewwel vokali tkun a, e jew o
a attraenti, kokaina, kaos, straordinarju, maestuża, Iżraeljan
e idea, proteina, koreografija, ateu, Neolitiċi, Ewropea
o koala, poeta, egoiżmu, proattiv, koerenza, jikkoabitaw
Biss, meta l-ewwel vokali tkun i, inżidu j bejn iż-żewġ vokali
i dijabete, klijent, bijoloġiku, pijunier, industrijali, nutrijenti
Meta l-ewwel vokali tkun u, inżidu w bejn iż-żewġ vokali
u pruwa, influwenza, altruwist, kjuwijiet, duwaliżmu, nannuwi
Oqgħod b’seba’ għajnejn għall-prefissi.
Wara prefiss jispiċċa bl-i ma nżidux j qabel kelma tibda b’vokali.
anti- antieroj, antiossidanti, antiallerġiku
ri- riedukat, riabilitazzjoni, riinterpretazzjoni
semi- semiawtomatika, semiuffiċjali, semiillitterat
tri- trianglu, triennali, triatomika
U bejn kliem differenti?
Tista’ kelma tibda b’vokali jekk ta’ qabilha tkun tispiċċa b’vokali wkoll?
Iva, fil-fatt niktbu tazza ilma.
Imma mbagħad niktbu tazza nbid (mhux tazza inbid).
Kif taħdem il-biċċa?
Meta l-vokali tkun parti mill-kelma (bħall-i ta’ ilma), tibqa’ hemm, ma taqax
tazza ilma | bagħatli ittra | siġġu isfar | mara intelliġenti |
morna ikla | għandi insett | riedu issa | ħafna ismijiet |
ejja iżfen | turisti Ingliżi | kienu isbaħ | ġara inċident |
Iżda żewġ vokali ma joqogħdux ħdejn xulxin meta waħda mill-vokali tkun tal-leħen (u allura mhix biċċa waħda mill-kelma)
flixkun inbid | imma | tazza nbid |
ftit irġiel | imma | ħafna rġiel |
jien immur | imma | aħna mmorru |
it-tifel ikkalma | imma | il-ġuvni kkalma |
ġiet imbagħad | imma | ġie mbagħad |
Ftehemna?