Tqarmeċ minn barra u ratba minn ġewwa. Għandha sehem ewlieni f’ħajjitna. Xi wħud għandhom rispett kbir lejha, tant li qabel ma jaqsmuha jroddu s-salib. 

 

il-partijiet tal-ħobża

Għall-ħobża tal-Malti ma tridx wisq ingredjenti. Dqiq, ilma, ħmira u melħ. Li jagħmilha speċjali hu l-proċess tal-għaġin u l-ħbiż, u t-tinsila. Ġejja mill-istess għerq ta’ nissel, u tfisser biċċa għaġina żejda li jħalluha biex minnha jagħmlu l-għaġina tal-ħobż tal-għada. 

Għandna isem għal kull parti tal-ħobża tal-Malti. Tkun magħmula minn qoxra tqarmeċ fil-wiċċ u fil-qiegħ, u bejniethom il-qalba jew il-lbieba. Xi wħud jgħidulha bieba, għax il-l jaħsbuha tal-artiklu. Il-parti fejn ħobża tmiss ma’ oħra tissejjaħ il-bewsa jew it-tappa. Meta ħobża tinzerta fit-tarf, naħa jkollha l-bewsa u n-naħa l-oħra l-ġenba. Mela jekk tippreferi l-qoxra mill-qalba, jaqbillek tixtri ħobża tal-ġenba.

Ġieli jkollha xi sinjal. Ngħidu aħna, il-ħobża tas-salib, f’nofs il-qoxra jkollha marka, għamla ta’ salib, u l-ħobża tas-sikkina jew tal-qasma fil-wiċċ ikollha xaqq. Insomma, kbira jew żgħira. Bajda jew samra. Sħiħa jew imqattgħa. Misjura jew imbaskta. Mhux kulħadd iħobbha l-istess. Imma ssaqsi lil min issaqsi, ilkoll fehma waħda. M’hemm xejn itjeb minn kisra ħobż tal-Malti biż-żejt.

 

tipi ta’ ħobż

Dari, is-sinjur kien jiekol ħobż abjad, u l-fqir kien jiekol ħobż magħmul minn taħlita ta’ qamħ sħiħ u mqaxxar jew ħobż ismar. Fi żmien il-għaks kien jittiekel ħobż tal-maħlut, li kien isir minn taħlita ta’ qamħ u xgħir. Forsi kien minn hemm li daħlet l-espressjoni X’ħobż jiekol dak? Għax il-ħobż li tiekol kien jikxef il-klassi soċjali tiegħek.  

Għandna ħafna tipi ta’ ħobż. Nibdew bil-ħobża tal-Malti. Hemm il-kbira u ż-żgħira. Fl-imgħoddi l-kbira kienu jgħidulha tar-ratal u ż-żgħira tan-nofs artal. Minkejja li l-piż inbidel, hemm min għadu jsibhom hekk. Mill-istess għaġina tal-ħobż tal-Malti jsiru l-ħbejża, qisha panina tal-Malti, ix-xiklun, bħal bezzun kbir iqarmeċ, u l-ftira, li xi wħud isejħulha xawwata, u li ħafna Għawdxin jgħidulha qagħqa jew kagħka

 

Hemm il-ħobż tal-kexxun u l-ħobż tal-Franċiż jew, kif isibuh xi wħud, ħobż tas-slice, għax ikun imqatta’ lest. Minnu nagħmlu sandwich jew xi toast. Qabel ma beda jintuża dan il-kliem mill-Ingliż, fil-qasam tal-ħobż daħal kliem ieħor mill-Isqalli u t-Taljan, bħal bezzun u panina, li ġejja minn pane, jiġifieri ħobż, u d-denb -ina, li jfisser xi ħaġa żgħira. U allura panina tiġi ħobża żgħira. Hemm ukoll iċ-ċabatta, li fit-Taljan tfisser papoċċa, għax mill-għamla tagħha, ċatta u tawwalija, hekk tkun qisha.

Il-furnar tal-lum sar kreattiv ġmielu fil-ħobż li jaħmi. U l-poplu kreattiv daqsu fl-ismijiet li jagħti. Ngħidu aħna, dik il-panina li fin-nofs ikollha biċċa tielgħa ħafna jsibuha tal-bebbuxu jew tan-nokklu. Inkella dik il-ħobża ġejja għat-tul u mibruma jgħidulha tal-malju jew tat-toppu

Artiklu bħal dan nieklu bil-ħobż. Hemm xi kisra jew? Għax ftaħt l-aptit.