L-istorja wara kliem vulgari 2018-03-14T10:56:15+00:00

Project Description

Hemm kliem li llum inqisuh vulgari iżda fl-imgħoddi ma kienx. Aktarx kien kliem innoċenti li maż-żmien it-tifsira tiegħu nqalbet ta’ taħt fuq.
Qabel ma tkompli taqra, jekk toffendi ruħek, dabbar rasek. Imma kieku tiskrupla, m’intix hawn. Mhux hekk? Mela kompli, u kif tlesti mur qerr. 

 

għoxx

Illum tfisser l-organu ġenitali tal-mara u xi ħadd għaġeb, rieqed, mejjet ħaj, eż. Ejja l-għoxx, kemm se ddum? U minnha noħorġu għoxxata, jiġ. ħmerija, ċuċata. Nużawha wkoll fid-dagħa u fi skoss espressjonijiet ikkuluriti. Imma l-ewwel tifsira ta’ din il-kelma hi bejta. Sew qed taqra. Bejta ta’ tajr u ta’ annimali oħra. Fid-Damma ta’ Agius de Soldanis, dizzjunarju ta’ 250 sena ilu, hemm eżempji bħal għoxx tal-għasafar, għoxx tal-ħamiem, u għoxx tal-ġrieden.     

ħaqq

Kelma sinonima mad-dagħa u l-kliem ħażin tant li għandna verb imnissel minnha, ħaqqaq, li jfisser qal xebgħa kliem ħażin jew, appuntu, qal ħaqq wara l-oħra, eż. Dak il-ħin kollu jħaqqaq. Ħafna jaħsbu li din il-kelma marbuta ma’ kulma hu ġust, sewwa u xieraq. Iżda l-ħaqq tad-dagħa m’għandha x’taqsam xejn mal-ġustizzja.
Ġejja mill-verb jaħraq li fl-antik kien jintuża hekk: jaħraq ġenshom, jiġ. bejn wieħed u ieħor, nirra jinħaraq ġenshom, inkella jaħraq dinek, dinek tfisser ir-reliġjon tiegħek. Maż-żmien il-forma jaħraq ħadet diversi xejriet, fosthom raq dinek, ħaq raq dinek, sa ma saret ħaqq dinek, ħaqq ix-xjaten, ħaqq il-bandiera dinja, u ħaqq x’jiġik f’ħalqek dak il-ħin.

liba

Din il-kelma għaddiet minn ħafna bidliet. Fil-bidu kienet tirreferi għall-kolostru, l-ewwel ħalib minn sider il-mara wara li twelled. Minn hemm, b’xi mod, saret tfisser l-isperma tar-raġel. Imbagħad bdiet tintuża għal xi ħadd kiesaħ jew aħdar, u minn das-sens żviluppa n-nom libaġni, eż. Imma għala din il-libaġni kollha?. U biex tagħqad (no pun intended), issa nużawha wkoll meta nistagħġbu, eż. Il-liba kemm dħakt, Il-liba x’logħba lagħbu. Toqgħod tgħid, il-liba x’kelma dik!

ġarretta

Għal min ma jafx, il-ġarretta hi l-prepuzju, il-ġilda li tgħatti r-ras tal-pene. It-tifsira oriġinali tal-kelma hi biċċa laħam taċ-ċanga min-naħa t’isfel ta’ sieq il-baqra, eż. Meta nkun marid iġġibli l-brodu u tmur tixtrili ftit ġarretta jew xi sidra tat-tiġieġa. Għandna żewġ kelmiet bi storja simili: falda u perżuta li minn biċċa laħam (falda taċ-ċanga mimlija, perżuta u biċċa ġobon) saru jirreferu għal parti mill-organu ġenitali tal-mara. Għax aħna hemm moħħna!

ħexa

Kif qed insemmu l-falda mimlija, il-verb ħexa fil-bidu kien ifisser timla xi ħaġa, eż. ir-ravjul taħxih bl-irkotta u t-tursin inkella tiġieġa moħxija bir-ross. Għawdex għadek issib min jużaha f’dan is-sens, mhux biss għall-ikel imma anki, fejn naf jien, għal xi saqqu moħxi bis-suf. U kif nafu, it-tifsira kompliet tiżviluppa. Illum tintuża f’kuntest sesswali kif ukoll meta tħassar, tgħarraq jew tirvina xi ħaġa, eż. Ara naqra kif ħxieh DVD player jagħfas u jbagħbas inkella Bil-qrid tiegħek ħxejtli nofstanhar. Nużawha wkoll meta xi ħadd iqarraq b’ħaddieħor, eż. Dak tixtrix mingħandu għax jaħxik. U la ġejna fiha, tinsiex x’jgħid il-Malti: Bil-paċenzja u ftit bżieq iljunfant ħexa werżieq!

 

Verżjoni iqsar ta’ dan l-artiklu kienet dehret fis-sit Lovin Malta
Facebook Comments