5 kelmiet taparsi Ingliżi 2018-04-22T08:39:15+00:00

Project Description

F’ħafna ilsna nsibu kliem li taħsbu Ingliż – għax ikun magħmul minn elementi Ingliżi – imma fl-Ingliż ma ssibux. Inkella jekk ikun jeżisti, ma jkollux dik it-tifsira. Ngħidu aħna, bit-Taljan spa jgħidulu beauty farm, kelma li ma ssibhiex fl-Ingliż, u l-joker tal-karti tal-logħob isejħulu jolly, kelma li bl-Ingliż tfisser ferrieħi, allegru, brijuż. Bil-Ġermaniż il-mobile phone jgħidulu Handy u l-gym Fitnessstudio. Bil-Franċiż makeover jgħidulha relooking u player tar-rugby jsejħulu rugbyman – ma nafx kemm jieħdu gost biha l-femministi u l-isportivi nisa. Dawn li ġejjin huma ħames kelmiet Maltin li mad-daqqa t’għajn taħsibhom Ingliżi, imma mhumiex.

goaler

Jista’ jkun toqbi, passatur, mixtri… Bl-Ingliż jissejjaħ goalkeeper, keeper, goalie, iżda goaler le. Tidher Ingliża kemm trid imma goaler aħna l-Maltin ħloqnieha. Għall-ġurament, il-kelma goaler tintuża fl-Ingliż tal-Kanada, imma tirreferi għall-goalkeeper tal-ice hockey, u aktarx ġejja mill-Franċiż mitħaddet il-Kanada gôleur; jiġifieri m’għandhiex x’taqsam mal-goaler tagħna.

muscles

“Shakira, għedtlek ilbes dawk il-muscels għax tegħreq”. Din kieku ssibha fl-Ingliż, iżda tfisser ħaġa oħra. Il-muscles tal-Ingliż huma l-muskoli tal-ġisem, u l-muscles ta’ Shakira huma l-armbands jew il-water wings. Ġieli jsejħulhom swimmies jew floaties, però mhux muscles. Dik tifsira ġdida li tajniehom aħna l-Maltin… bħalma għamilna fil-każ tat-tyre tal-għawm (bl-Ingliż swim ring). U ija, mhux l-aqwa li żżomm fil-wiċċ!

learner

“Il-learner qalli biex nagħfas il-gass”. Normalment min jgħallem jiġi l-instructor u min jitgħallem il-learner. Però aħna qlibniehom ta’ taħt fuq. Fil-kuntest tal-karozzi, il-learner hu d-driving instructor! Ħawwadni ħa nifhmek, Lilly.

pocket

Din ukoll issibha fl-Ingliż, imma tfisser but. Għalina l-Maltin (imma mhux l-Għawdxin) il-pocket hu l-pencil case jew il-pencil box. Kif minn but ta’ qalziet saret tfisser kaxxa għal-lapsijiet, il-biros u l-gomom, il-Bambin biss jaf.

stick

L-omm: “Jekk taqa’ nkompli ntik”.
It-tifel joħodha għal ħalqu, isir sticker mal-art.
L-omm: “Issa tikber u tinsa. Ejja ħa nagħmillek stick fuq il-ferita”.
Bl-Ingliż sticking plaster jew adhesive bandage. Imma bil-Malti stick. Sillaba waħda u barra bid-daqq…a.

bonus #1: slipper

“Mort ġirja bis-slipper il-ġdid”. Tgħidha lil xi Ingliż, jaħsbek mort ġirja bil-papoċċ ta’ ġewwa. Imma għal xi Maltin dak sar il-papoċċ tal-ġiri, it-trainers, ir-running shoes. Ilbsu u ejja ħa mmorru, bro.

bonus #2: very good

“Agħmel salib jew very good fil-kaxxa”. Bl-Ingliż jissejjaħ check mark jew tick (✓). Imma bil-Malti very good. Għax aħna frażi magħmula minn avverbju u aġġettiv kapaċi nġibuha nom. Ħudha ma’ saqajk Queen Lizzy.