Ġużè Cassar Pullicino ħallielna ġabra ġmielha ta’ ħwejjeġ moħġaġa. Iżda xi wħud, minkejja li magħrufa sew, ma jniżżilhomx, għax “jidhru maħmuġin għall-aħħar”. Ħin minnhom bħal jiskuża ruħu mal-qarrejja: “kellna nħallu barra ħafna indovinelli … ma stajniex inġibuhom imħabba d-doppju sens li fihom.”
Wara dawn is-snin kollha, dan in-nuqqas kellna nagħmlu xi ħaġa dwaru. U hawn hi, ġabra ta’ għoxrin ħaġa moħġaġa, direttament minn fomm il-poplu, li juru (a) kemm ninqalgħu fil-logħob bil-kliem u (b) kemm għandna moħħna maħmuġ inkallat. Tlaqna.
1. Jidħol xott, joħroġ imxarrab.
Jidħol iebes, joħroġ artab.
L-għaġin fil-misħun jew il-biskuttell li tbill fit-te.
2. Twil, jibda bir-ras, jispiċċa bil-bajd.
Ir-Randan. Xi ħsibt?
3. Taqbdu b’idek u jitwal.
Tgħaddih minn bejn sidrek.
U ddaħħlu ġo toqba.
Iċ-ċintorin tas-sigurtà. Mur naddaf moħħok.
4. Jgħajtilha u tmur. Ittih u jtiha.
Tiegħu jitfgħu ġo tagħha.
Iċekċikhulha u jitlaq.
Tal-Pitrolju. Mhux ovvja?
5. Żaqqek ma’ daharha u b’subgħajk tagħraxha.
Kitarra. Fejn sejjer b’rasek?
6. Ta’ Borg Olivier twil. Ta’ Gonzi qasir.
Ir-raġel itih lill-mara meta jiżżewġu.
Is-sorijiet m’għandhomx.
Il-patrijiet għandhom.
Il-papa għandu wieħed imma ma jużahx.
Kunjom. Xi tridu jkun?!
7. Raġel iġibha, tifel ma jġibhiex.
Tibda bil-L, tispiċċa bl-A.
Liċenzja tas-sewqan.
8. Xofftok ma’ xoffitha, u sebgħek ġo toqbitha.
Kikkra.
9. Saqajk bejn saqajha u jdejk fuq wiċċha.
Mejda. Xi ħsibtha jaqaw?
10. Rasu ħamra u jobżoq l-abjad.
Sigarett. Nittien.
11. Daqqa iebes, daqqa artab.
Jibda biż-Ż, jispiċċa bil-B.
Żbib. Ħaħa, qbadtek!
12. Aqlagħhuli minn wara.
Itfagħhuli quddiem.
Ittihx bl-idejn u tih bl-ilsien.
Tifel fil-klassi.
13. Żaqq ma’ żaqq u biċċa laħam fix-xaqq.
Omm tredda’ tarbija.
14. Hemm ħaġa tqum ħafna.
Għandha ras imperjali.
U kulħadd jieħu pjaċir biha.
Lira Sterlina.
15. Aktar ma ttih, aktar tieħu pjaċir.
Ballun. Mhux xi ħsibt int.
16. L-ewwel tilgħaqha sew, imbagħad iddaħħalha fit-toqba.
Ħajta f’għajn ta’ labra.
17. Twil xi 18-il ċentimetru u nħobb noqgħod wieqaf.
Jużawni kemm nisa u kemm irġiel.
Idaħħluni u joħorġuni bosta drabi.
U warajja nħalli ħafna tbajja’ bojod.
Xkupilja tas-snien.
18. Wiċċek ma’ sufha, u żewġ sponoż f’idejk.
Tal-ħalib jaħleb mogħża jew nagħġa.
19. Il-baqra għandha erbgħa u l-mara għandha tnejn.
Saqajn.
20. Fiha erba’ ittri. Iddum ma ġġibha u ttajjarha malajr.
Il-paga. Mur qerr qrara ġenerali.