L-A, Be, Ċe 2018-03-23T12:07:49+00:00

Project Description

Kont taf li l-ittra Ħ kbira u rasha maqtugħa tintuża fil-Malti biss? Il-ħ żgħira tintuża fil-Mekkanika Kwantistika u fl-Alfabett Fonetiku Internazzjonali. Imma l-Ħ kbira hi simbolu speċjali tal-Malti.

 

Kemm fih ittri l-alfabett Malti?

Tletin ittra: sitt vokali u erbgħa u għoxrin konsonanti. Imma l-alfabett Malti mhux dejjem kien hekk. L-alfabett kif nafuh illum dalwaqt jagħlaq il-mitt sena. It-18 ta’ Diċembru 1921. Dakinhar ġie stabbilit mill-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. Ġie ppubblikat tliet snin wara, fl-1924, fil-ktieb Tagħrif fuq il-Kitba Maltija. Iżda kellhom jgħaddu għaxar snin oħra sa ma l-Gvern għarfu bħala l-alfabett uffiċjali.   

 

Qabel l-1934 kif kien l-alfabett?

Kien hemm ħafna alfabetti differenti. Tista’ tgħid kull kittieb kellu l-alfabett tiegħu. Ta’ Ġan Franġisk Abela, li għex fi żmien il-Kavallieri, kien fih tlieta u tletin ittra. Iċ-Ċirkewwa kien jiktibha hekk cerkeüa. Iċ-ċ bla tikka u flok w kien juża u b’żewġ tikek fuqha. Ma kellux simbolu għall-għajn. Kien jirdoppja l-vokali. Eżempju Għajn Riħana jiktibha hekk Aayn Rihana. Għall-j kien juża l-y u l-ħ ma kienx jaqtgħalha rasha.

Il-Kavallier Franċiż Thezan, li kiteb l-ewwel dizzjunarju tal-Malti li nafu bih, uża ittri Latini mħalltin ma’ ittri Għarab. Pereżempju lagħab jiktibha laعab. L-a, il-b u l-l jiktibhom bħalma niktbuhom illum, imma l-għajn jiktibha bħall-Għarbi.

Mikiel Anton Vassalli wkoll uża taħlita ta’ ittri Latini u simboli li jew ħadhom minn alfabetti oħrajn jew ivvintahom hu, bħal Ч għaċ-ċ, Г għall-ġ, u bħal nagħla rasha ’l isfel għall-għajn. B’kollox fassal tliet alfabetti u fassalhom b’mod sistematiku biex kull ittra tirrappreżenta ħoss wieħed. Iżda ma tantx intlaqgħu tajjeb għax xi simboli kienu strambi wisq. U wara Vassalli l-alfabetti baqgħu joktru. Aktar ma ħarġu alfabetti ġodda, aktar żdied it-taħwid.

 

Kif kellu jinkiteb il-Malti?

Fl-1880 tfaċċat għaqda ġdida, ix-Xirka Xemija, u sentejn wara ħarġet alfabett fonetiku mibni bir-reqqa fuq prinċipji sodi li aktar tard servew ta’ bażi għall-alfabett uffiċjali. L-aħħar bidla saret fl-1992 meta l-Akkademja tal-Malti żiedet l-ie bħala t-tlettax-il ittra u bidlet l-ordni taż-ż u z-z.  

 

L-alfabett issa ndara tant li xi ittri saru parti mill-idjomi tagħna. Tilef l-erre ngħidu għal min jirrabja bl-ikrah. Ġabu esse jiġifieri tah xebgħa tajba. Ma jafx akka ngħidu għal min ma jkollu idea ta’ xejn. U jekk ma tafx akka, oqgħod attent li ma tgħidx xi ħmerija, għax jgħidulek ċe bit-tikka!  

 

Aqra dan: 5 ittri li saru kliem