Lingwa jew ilsien? 2018-02-26T17:18:34+00:00

Project Description

Lingwa jew ilsien?

Li kelli nixħet ċenteżmu f’karus kull darba li tqum din il-mistoqsija, kieku ġa miljunarju. Il-biċċa aktarx tibda hekk. Ċikku jgħid “il-lingwa Maltija”. Joqmos Peppi, “Lingwa jew ilsien?” b’ton li jtik x’tifhem li Ċikku, talli uża lingwa, għamel sakrileġġ.
Leħen min jistaqsiha jinbidel. Il-kuntest li fih tingħad ukoll. Imma l-mistoqsija dejjem xorta tkun: lingwa jew ilsien? Bħallikieku dawn iż-żewġ kelmiet miġġildin, u rridu nagħżlu waħda jew l-oħra. Jew vi jew va. Jew abjad jew iswed.

Ngħid jien, ma jistgħux jgħixu flimkien fil-paċi u s-sliem? Hemm aħna, paċi u sliem. Għadu ħadd ma ġie fuqi u bl-herra talabni nagħżel bejn paċi u sliem (kerha tiġġieled fuq paċi u sliem). Għax nafu li t-tnejn għandna bżonnhom. Huma sinonimi. Żewġ kelmiet bl-istess tifsira, bħal qadim u antik, kewkba u stilla, żgħir u ċkejken, jum u ġurnata, re u sultan, leħen u vuċi, risposta u tweġiba, ħeqq, u lingwa u lsien.

 

Imma t-tnejn tajbin?

Dażgur. Storikament, waħda mill-Għarbi u l-oħra mit-Taljan, imma llum it-tnejn Maltin indaqs. U t-tnejn neħtiġuhom. Għal żewġ raġunijiet:
(a) ħalli nvarjaw id-diskors u l-kitba, sewwasew bħalma bl-Ingliż xi drabi ngħidu
tongue, mill-Ġermaniku (eż. mother tongue), u drabi oħra nużaw language, mill-Franċiż qadim (eż. mother language); u
(b) għax ma jfissrux l-istess l-istess.
Ilsien, apparti lingwa, ifisser ukoll:
1. organu fil-ħalq, gdimt ilsieni
2. biċċa drapp jew ġilda li tkun taħt il-lazz taż-żarbun, tqattagħli lsien is-slipper
3. il-ħabbata tal-qanpiena, ilsien il-qanpiena jħabbar li daqt ħierġa l-quddiesa
4. fjamma nar, fuq ras l-Appostli dehru ilsna tan-nar
5. biċċa art twila u dejqa, f’nofs il-port ta’ Marsaxlokk joħroġ ilsien ta’ art
U oħrajn. Mur ara dizzjunarju tal-ilsien jew tal-lingwa Maltija.


Żewġ ġawhriet

Lingwa u lsien żewġ kelmiet prezzjużi. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr waħda jew l-oħra. Anki għaliex minnhom noħorġu ħafna kliem ieħor meħtieġ bħal:

lsn lingw 
lsien tongue, languagelingwalanguage
lisento speaklingwaġġspeech
lissento utterlingwistalinguist
tlissento be utteredlingwistikalinguistics
tlissinautterancelingwistikulinguistic
mlissenutteredlingwistikamentlinguistically
milsendictionarybilingwiżmubilingualism

 

U jekk ilsienek jikkmandak u terġa’ titlobni nagħżel bejn lingwa u lsien, intik xebgħa lsien nobis!

Facebook Comments