Jekk ma tridx li Father Christmas din is-sena jġiblek dizzjunarju u ktieb tal-grammatika, qis li dawn il-ħames żbalji komuni ma tibqax tagħmilhom sena wara l-oħra.
Milied hieni, mhux ħieni
La hena u tithenna niktbuhom bl-akka, mela l-ewwel ittra ta’ hieni, hienja u henjin ma naqtgħulhiex rasha. Għala niktbu akka imma nlissnu ħ? Dari, l-akka kellha l-ħoss ta’ ħ. F’xi rħula għadek tisma’ min iħossha fi kliem bħal dahar u deheb. Baqa’ fdal tagħha fil-kelma hieni. Ħaġa tal-aħħar. Din il-kelma tassew ma jaqbillekx tiżbaljaha, għax ħieni, bil-ħ, tfisser qarrieqi, falz, diżonest!
ragħajja, mhux rgħajja
Min jibki ngħidulu bikkej, min jaqra qarrej, min jibni bennej, u min jirgħa ragħaj. Il-konsonanti tan-nofs ma ntennuhiex għax l-għ ma tistax tinkiteb doppja. La ħafna jiġu xerrejja, qarrejja u bennejja, mela l-plural ta’ ragħaj hu ragħajja. Biex taqra fuq ir-rabta bejn ir-ragħajja u l-pasturi, idħol hawn. Il-bużillis hu li mhux ir-ragħajja biss niktbu ħażin. Anki l-annimali li jirgħaw…
nagħaġ, mhux ngħaġ
Il-qofol tal-Malti l-mudelli. Bħalma niktbu baqar u mogħoż, hekk ukoll niktbu nagħaġ.
Meta nirreferu għal ħafna, niktbu vokali qabel u wara l-għ. Faċli, le?
waħda | baqra | mogħża | nagħġa |
ħafna | baqar | mogħoż | nagħaġ |
nixtiqilkom, mhux nixtieqilkom
Il-verb nixtieq niktbuh bl-ie, għax il-vokali tal-aħħar twila. Imma meta nehmżu d-denb -ilkom (nixtieq + lilkom), l-aċċent jimxi: nixtieq – nixtiqilkom. Allura l-ie ma tistax tibqa’ twila u ssir i qasira, sewwasew bħalma jiġri f’każi oħrajn:
siegħa | sigħat |
dulliegħa | dulligħat |
iebes | ibsin |
imsiefer | imsifrin |
biesu | bisuni |
kienu | ma kinux |
Ħjiel tal-aħħar. Ftakar li l-ie tista’ tkun jew fis-sillaba tal-aħħar (missier, nixtieq) jew f’ta’ qabel tal-aħħar (rieqed, żiemel). Ma tista’ qatt tkun fit-tielet sillaba mill-aħħar, bħal nixtieqilkom.
prietka, mhux priedka
Fil-kliem li jaħdem bl-għerq, il-konsonanti jibqgħu l-istess, imqar meta ħosshom jinbidel. Għalhekk, sbieħ niktbuha bis-s, mhux biż-ż, kif inlissnuha, għax l-għerq hu sbħ, kif naraw fi kliem bħal sabiħ u sebbaħ. Iżda fi kliem ta’ nisel Taljan u Ingliż, li jaħdem biz-zokk, storja oħra. Iz-zokk kemm-il darba jinbidel minn kelma għal oħra. Biżżejjed insemmu forom bħal mużika u mużiċist, vista u viżitatur, taxxa u tassazzjoni, falz u falsità. Hekk ukoll prietka u predikatur.
Ok, ħa nieqaf nipprietka. Il-festi t-tajba, ħbieb!