It-tagħrif dwaru qed jaslilna minn kull direzzjoni b’kull mod u manjiera. U kif inhu xieraq, qed jitwasslilna bit-tliet lingwi uffiċjali tagħna, bil-Malti, bl-Ingliż u bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija. Prosit tassew tal-ħidma ma taqta’ xejn u talli qed iżżommuna aġġornati bl-aħħar żviluppi.

Ħasra li kultant il-messaġġ ikun fih xi żarżira jew tnejn. Hawnhekk insemmi ħamsa fost l-aktar żbalji komuni li qed nagħmlu meta nitħaddtu u niktbu dwar il-COVID-19 (bilħaqq, bil-Malti tinqara covid-dsatax), ħalli kemm jista’ jkun nevitawhom u l-messaġġ ikun aktar effettiv. Għax il-lingwa tas-saħħa teħtieġ is-saħħa tal-lingwa.

l-imxija

Bis-saħħa ta’ din il-marda, ħafna minna reġgħu ftakru f’din il-kelma jew tgħallmuha. Ix-xejn xejn! Mertu kbir hu tal-ġurnalisti li qegħdin jużawha fil-gazzetti u fuq ix-xandir. Min ma jafx xi tfisser eżatt, l-imxija hi marda li tittieħed minn bosta nies, jiġ. epidemija jew, jekk tinfirex wisq, pandemija. Ngħidu, pereżempju, bħalissa hawn l-imxija. F’xi rħula, bħas-Siġġiewi u r-Rabat ta’ Malta, bi mxija jifhmu riħ komuni jew flissjoni. Ġejja mill-istess għerq ta’ mexa, għax marda tittieħed timxi minn persuna għall-oħra, imma f’ġieħ kemm hemm,

(a) ma nħalltuhiex mal-kelma mixja, bħal dak li kiteb “għadu ma nstabx vaċċin għall-mixja” ?
(b) inlissnuha /ɪmˈʃiːjɐ/, bħal għalija, mhux /ɪmˈʃɪɐ/, bħal għaliha u tiġi qisha hu mxieha mid-dar sal-każin.

f’saħħtu

Kultant niżolqu fin-niexef.
f’saħħtu = mhux marid, ibigħ is-saħħa, bl-Ingliż healthy
b’saħħtu = jiflaħ ħafna, ma tegħlbux kif ġieb u laħaq, bl-Ingliż strong
Ħoss wieħed jagħmel differenza. F’ħafna avviżi qed jużaw it-tieni waħda biex ifissru l-ewwel waħda. Noqogħdu attenti ħalli l-messaġġ ikun b’saħħtu u nibqgħu f’saħħitna.

aħsilhom

Bħalissa kulħadd qisu Ponzju Pilatu. Biex ma nxerrdux il-mard, itanbrulna li rridu naħsluhom spiss, bl-ilma fietel u s-sapun.
Ħa mmur naħsel idi.
Trid taħsel idek għal għoxrin sekonda.
Le, sijab. Waħda id, tnejn idejn. Dment li m’intix sejjer taħsel id waħda biss (kif tista’?), trid taħsel idejk (mhux idek) u jien irrid naħsel idejja (mhux idi) . Ftehemna, kuġin/a?

pulmonite

Fost il-komplikazzjonijiet tal-COVID-19 hemm dik li bl-Ingliż tissejjaħ pneumonia, infjammazzjoni fil-pulmun. Bil-Malti la hi pnewmonja u lanqas newmonja, imma pulmonite. Fit-tunsilli tonsillite, fil-bronki bronkite (mhux bronkiter, għidilha lin-nanna), u fil-pulmun pulmonite. Faċli, le?

kwarantina

Il-kelma ġejja mit-Taljan quarantena jew quarantina, erbgħin jum, iż-żmien li x-xwieni kienu jinżammu maqtugħin għalihom biex ma jinfirixx mard jittieħed. Maż-żmien it-tifsira nbidlet u saret tfisser perjodu, twil kemm ikun twil, ta’ iżolament, mhux iżolazzjoni. Qisha xi waħda milli jivvinta Ben Camille.
Bl-Ingliż u bit-Taljan qabel il-kelma għal kwarantina nużaw prepożizzjoni, bħal in quarantine jew sotto quarantena. Bil-Malti ma nużawhomx. Ma ngħidux fi kwarantina jew taħt kwarantina, imma mmorru dritt għall-punt:
nannti qiegħda kwarantina
lit-tfal qegħduhom kwarantina
se jinżammu kwarantina
l-annimali tpoġġew kwarantina
Sempliċi tant, għala ntaqqluha?
Kuraġġ lil kull min qiegħed kwarantina (mhux fiha jew taħtha). Inqawwu qalbna!