Il-maskri, il-maskarati, il-kostumi, il-karrijiet, l-isfilata… taqta’ nifsek tgħidhom daqskemm għandna kliem u drawwiet għal żmien il-Karnival. Nagħtu ħarsa lejn ħames kelmiet ta’ dan “iż-żmien mistenni minn kulħadd”.
Karnival
Nibdew biha. Aktarx tnisslet mil-Latin carne, laħam, u levare, twarrab, tneħħi. Għax malli jgħaddu l-jiem ta’ ferħ u bluha, jibda r-Randan, żmien ta’ sawm u astinenza. Ħeqq, u l-laħam ikollok tinsieh. Il-kelma nużawha f’sensi oħra. Tista’ tfisser frattarija, eż. it-tfal għamlu karnival sħiħ. Ngħiduha wkoll għal xi ħadd li ma jafx iqabbel il-ħwejjeġ, eż. Hemm x’karnival ilbist?!
U minnha noħorġu żewġ kelmiet. Karnivalesk, jiġ. marbut mal-Karnival inkella mal-ħmerijiet u l-bużullotti, eż. fi żmien l-elezzjoni jkun hawn atmosfera karnivaleska. U karnivalata, li tfisser farsa, paprata, buffunata, kummiedja, eż. il-karnivalati li naraw fis-seduti parlamentari tal-għaġeb.
View this post on Instagram
prinjolata
X’Karnival ikun mingħajr il-prinjolata? Din l-ispeċi ta’ muntanja żgħira miksija bil-borra tal-ħelu jagħmluha b’ħafna ingredjenti, fosthom għaġina ħelwa, abjad tal-bajd, zokkor, xebgħa zokkor, ċirasa u, naturalment, il-prinjol, pine nuts bl-Ingliż. Għalhekk tissejjaħ hekk.
View this post on Instagram
perlini
F’dan iż-żmien nieklu wkoll il-perlini, ħelu żgħir tal-lewż miksi biz-zokkor. Il-kelma ġejja mit-Taljan perla, għax hekk ikunu qishom, perli żgħar, appuntu perlini. Fl-imgħoddi, il-maskarati kienu jissuttaw lin-nies bil-perlini u t-tfal kienu jkantaw:
Maskarat tini perlina
għax warajk għandek xadina.
Minflok waħda tini tnejn
għax tiddobba xi daqqtejn!
View this post on Instagram
kukkanja
Logħba tradizzjonali li kien daħħalha l-Gran Mastru Zondadari fl-1721. It-Tnejn tal-Karnival in-nies kienet tinġema’ l-Belt biex tieħu sehem fiha. Xi nies kienu jixxabbtu ma’ arblu wieqaf li fil-quċċata tiegħu jkun hemm imdendel ħafna ikel, bħal laħam, zalzett u nbid, u xi annimali ħajjin, imsieken. Min jirnexxilu jilħaq l-ikel l-ewwel, iżomm li jkun qabad. Wara żmien l-Ordni l-kukkanja ma baqgħetx issir. Iżda Kilin fil-ktieb Fuq il-Għajn ta’ San Bastjan isemmi li fi tfulitu kienet issir Ħad-Dingli f’Settembru. U fi żmienna kultant terġa’ ssir, speċjalment fl-irħula Għawdxin.
View this post on Instagram
qarċilla
Drawwa antika li ftit jafu biha. Kienet bħal farsa popolari li kienet issir fit-toroq fil-jiem tal-Karnival. Kien ikollok żewġt irġiel, wieħed liebes ta’ nutar u l-ieħor tal-għarus. Fuq rasu l-għarus kien iqiegħed ġewlaq bi xbieha tal-għarusa magħmula mill-għaġina. In-nutar kien jieqaf fil-kantunieri jqabbel u jivvinta, taparsi qed jagħmel kuntratt taż-żwieġ f’sura ta’ poeżija mimlija ċajt, żufjett u kliem doppju sens. Wara li n-nutar jagħmel dan il-kuntratt umoristiku taż-żwieġ, in-nies li kienet tinġabar madwaru, kienet tinfexx tqatta’ u tiekol mill-għarusa tal-għaġina.
Fl-2014 reġgħet bdiet issir. Dari dan il-kuntratt burlesk aktarx kien jinkiteb minn saċerdoti u predikaturi bħal Dun Feliċ Demarco, li kiteb id-dramm Żwieġ la Maltija. Fi żmienna l-qarċilla jiktbuha awturi bħal Trevor Żahra, Immanuel Mifsud u Leanne Ellul, li jsawruha fuq il-kuntratti l-antiki, imma b’ħafna elementi mill-ħajja tal-lum.