Fi żmien il-Milied nużaw kliem li mhux dejjem inkunu nafu xi jfisser sewwasew jew li ma jkollniex idea mnejn ikun ġej.
mirra
Deheb, inċens u birra! …jgħid kull Malti xi darba f’għomru. Għax aħna lkoll nafu li l-mirra wieħed mir-rigali tas-Slaten Maġi, imma m’għandniex idea xi ż-żigg taħbat. Ok, naqtgħu l-kurżità. Il-mirra hi tip ta’ gomma tar-raża tfuħ li tiġi miz-zkuk tas-siġar. Tintuża bħala fwieħa u jbaħħru biha, bħall-inċens. Eh u bilħaqq, l-espressjoni tellagħlu l-mirra jew ġablu l-mirra tfisser qabbiżlu ċ-ċinga, eż. Tant dam jaqtagħli xagħri li ġabli l-mirra.
l-istrina
Kull sena niġbru l-flus għall-istrina. Imma xi tkun l-istrina?
Fl-imgħoddi, ir-rigali flok fil-Milied kienu jtuhom fl-ewwel tas-sena. L-istrina kienet proprju dan ir-rigal tal-ewwel tas-sena. Ħafna tfal dakinhar tal-istrina kienu joħorġu fit-toroq b’xi bott vojt jawguraw is-sena t-tajba lil min ikun għaddej mit-triq, forsi jtihom xi ħaġa tal-flus.
Allura għala xi kultant nesklamaw illistrina!?
Dik m’għandhiex x’taqsam mal-istrina tal-ewwel tas-sena. Meta nitilfu t-tempra, għandna ħabta nsemmu l-qaddisin u ħwejjeġ reliġjużi oħra. U biex ma nonqsux mir-rispett, ngħawġu kemm kemm il-kelma reliġjuża biex intaffu xi ftit mill-qawwa tagħha. Flok ma nsemmu lill-Madonna ngħidu madoffi, biex ma nsemmux lil Alla ngħidu illallu, u biex ma nsemmux l-ostja, ngħidu illostra! jew illistra! jew illistrina!
pastur
Milied = presepju = pasturi. Il-kelma ġejja mit-Taljan pastori, jiġifieri ragħajja, għax l-ewwel nies li laqgħu lill-Bambin kienu r-ragħajja. Imma fil-Malti, minn ragħajja saret tfisser il-figuri li nqiegħdu fil-presepju. Xi wħud ikunu bi lbies bibliku, oħrajn bi lbies tradizzjonali tal-post fejn isir il-presepju. Ngħidu aħna, fil-presepju Malti nsibu lil taż-żaqq, pastur idoqq iż-żaqq, ir-rieqed, pastur rieqed (jismu miegħu), ix-xabbatur jixxabbat mal-grotta, u l-famuż l-għaġeb tal-presepju jadura lill-Bambin mistagħġeb b’idejh it-tnejn ’il fuq. U, għal min ma jafx, jekk jgħidulek qisek l-għaġeb tal-presepju jiġifieri tkun ċapsa, rieqed, mejjet ħaj. U jekk qatt ma smajtha, mela veru għaġeb!
maxtura
Ilkoll nafu li l-Bambin twieled f’maxtura. Li ma jafx kulħadd hu li l-kelma ġejja mill-Isqalli mangiatura, dik il-kaxxa li fiha nqiegħdu l-ġwież u l-għalf tal-bhejjem. Il-kelma l-ewwel daħlet bħala manġtura, imbagħad saret manxtura u fl-aħħar maxtura, kif nafuha llum. U minnha ħriġna l-verb tmaxtar, jiġifieri tiekol ħafna u bil-ħatfa bħall-bhejjem, kif se tagħmel fil-party tax-xogħol, fl-ikla tal-Milied, l-għada tal-Milied, il-pitgħada, il-pitpitgħada… sa ma jasal l-ewwel tas-sena u tibda dieta stretta… li ddum tlett ijiem.
gawgaw
Skont is-superstizzjoni, il-gawgaw kien ħares li lejlet il-Milied jgħaddi jiġġerra u jgħajjat fit-toroq. Kienu jemmnu li t-tfal li jitwieldu nhar lejlet il-Milied, talli twieldu dakinhar, seta’ jtihom ħmar il-lejl, joħorġu barra u jsiru gawgaw, mostru li ħadd ma kien jaf eżatt x’sura kellu. Biex jipproteġuhom taf x’kienu jagħmlu? Kienu jżommuhom imqajmin f’nofsillejl. U biex żgur ma jorqdux u jsiru gawgaw kienu jtuhom biċċa xogħol biex jedhew: jgħoddu t-toqob ta’ passatur jew għarbiel. Mur għoddhom!
Bonus: borrinu
U kif stajna nħalluha barra?! Il-kelma tas-sena tal-2014, ivvintata minn Kelma Kelma, li tant iggustawha nies li saħansitra sabet ruħha f’xi dizzjunarji u kotba tat-tfal. Bdiet minn din il-poeżija:
Borrinu
ta’ Michael Spagnol
Infetħu bwieb is-sema
u għamel ħafna ksieħ,
mat-tieqa beda jtektek
is-silġ nieżel mar-riħ.
Frak abjad kesa kollox,
fil-bitħa l-art tgħattiet
u għedt bejni u bejn ruħi
“Kif nista’ noqgħod kwiet?”
Ħriġt niġri f’dik il-kesħa,
is-silġ qbadt nilgħab bih,
rekkintu u bnejt pupu,
Borrinu se nsemmih!
Fettilli nlibbsu xalla,
barnuża flok kappell,
ma’ żaqqu żewġ buttuni,
ġie qisu xi mudell!
F’nofs wiċċu zunnarija,
pinġejtlu par għajnejn,
fuq fommu tfajt tbissima,
u zkuk taparsi jdejn.
Kien donnu tal-istampi,
ħriġt veru sodisfatt,
mort niġri nġib il-mobile,
kif ġie, ħaqqu ritratt!
Xħin ħriġt ħadt qatgħa kbira.
Xi ġrali, uff, xi dnub!
Ix-xemx fettlilha toħroġ
u Borrinu beda jdub!