Li ġejjin huma għaxar kelmiet li ftit jew wisq ħallew marka fuqna fix-xhur li għaddew. Xi wħud inħolqu, għall-bżonn, għall-buzz, jew bi żball. Oħrajn ilhom magħna imma, b’li ġara din is-sena, ħadu xejra oħra, kisbu tifsira ġdida. Tlaqna!
1. ħaqalanqas
Is-sena bdejnieha bit-tajjeb. F’xandira diretta, ministru żelqitlu din l-ispeċi ta’ kelma. Min jisħaq li kiser it-tieni kmandament. Min isostni li mhux hekk ried jgħid. Imma sakemm il-ministru kien medhi jiċħadha, il-kelma kienet laħqet saret meme. U tnax-il xahar wara għadha popolari sew, fuq il-mezzi soċjali u mhux biss.
sors: tink.mt
2. ivvaċċinat
Qatt daqs is-sena l-oħra m’użajna l-kelma vaċċin. Tant smajnieha li s-sinonimu tagħha mill-Għarbi, tilqima, għoddna nsejnieh. Jekk qabel konna nlaqqmu u nitlaqqmu, minn din is-sena sirna nivvaċċinaw. Bdew jużawha ftit nies, aktarx esperti tas-saħħa, u f’kemm ili ngħidlek spiċċat fuq fomm kulħadd, ivvaċċinat u mhux.
3. poddata
Din il-kelma introduċieha snin ilu Toni Sant fis-sens ta’ xandira diġitali, imma din is-sena ħadet spinta spintun, speċjalment bis-sensiela virtwali ta’ Jon Mallia. Bl-Ingliż tissejjaħ podcast, minn iPod, isem id-ditta, u tarf il-kelma broadcast, xandir. Fil-Malti maz-zokk pod, jiġifieri miżwed, hemiżna -ata, suffiss ta’ nisel Rumanz li bih insawru ħafna kliem ġdid, saħansitra nomi mill-Għarbi, bħal żiblata (minn sar żibel), u mill-Ingliż, bħal bloggata (blog post).
4. Ġaħan
Mhix ħaġa kbira li l-isem ta’ wieħed mill-aktar karattri fittizji popolari fostna l-Maltin isir nom komuni: “Kemm int ġaħan!” ngħidu lil min ikun baħnan u sempliċi. Imma meta fis-sajf skoprejna li ministru (ieħor!) għajjar lil nofs il-poplu ġaħan, tiskanta kemm bdew ħerġin plurali. Għax ladarba jġib ruħu ta’ nom komuni, ġieli jkollna bżonn inqegħduh fil-plural. Xi sentenzi li ġbart mill-internet:
“inġabru l-iġħna kollha fil-comment secton”
“il-Maltin mhumiex kollha ġħaħan u l-barranin mhux kollha ġenji”
“iddaħħakx nies bik u tistmahom ta’ ġaħnijiet”
sors: maltatoday.com.mt
5. Delta
Lejn nofs is-sena, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qatgħetha li għall-ismijiet tal-varjanti l-ewlenin tal-Covid-19 tibda tuża l-ittri tal-alfabett Grieg. Ngħidu aħna, il-varjant li nibet l-Indja, minflok B.1.617.2, beda jissejjaħ Delta, u l-varjant B.1.1.529 għammduh Omicron. Hekk, l-isem ikun ħafif u ma jkunx assoċjat ma’ xi grupp kulturali, etniku, reġjonali, u x’naf jien.
Però, mid-Δ kif qbiżna għall-Ο? Proprjament hemm ħames varjanti prinċipali, ilkoll abbinati ma’ ittra Griega, imma tlieta minnhom bilkemm smajna b’aħbarhom. Il-WHO xi ittri, bħan-Nu (N) u l-Xi (Ξ), qabżithom. Waħda għax tinstema’ qisha new, ġdid, u setgħet tħawwad l-imħuħ, u l-oħra għax kunjom komuni ferm, fosthom tal-President Ċiniż Xi Jinping. Imma, ħej, l-alfabett Grieg xtaqna kieku tgħallimnieh mod ieħor!
6. top il-full
Iż-żgħażagħ ħalli għalihom biex iġeddu l-lingwa u jwessgħu l-vokabolarju. Għal xi ħaġa tajba ħafna, apparti bomba, tal-ġenn, taqsam u mawx, issa għandna top il-full.
“Insomma, did-diska top il-full, guys!”
“Prosit lil Kris, imma Johnny top il-full e!”
Mhux ċar għalkollox kif bdiet iżda, skont sorsi infurmati, faqqset mid-drawwa fil-mezzi soċjali li taħt ritratt jew filmat jikkummentaw b’żewġ emojis: ? (top) u ? (full marks?) wara xulxin. Boqq!
7. booster
Din ilha tintuża, l-aktar għal xi antenna fuq il-bejt. Fejn qatt bsarna li kienet se tispiċċa fost l-aktar nomi użati tas-sena?! U, agħar minn hekk, fejn stajna nimmaġinaw li kienu se jerġgħu jlaqqmuna – jew jivvaċċinawna, anzi jibbustjawna – daqshekk malajr?! Il-moral se nibbustjawh xi ftit ukoll, jew?
8. fakkalla
Logħba innoċenti fuq it-TV: il-mistednin iridu jaqtgħu l-anagramma ta’ fallakka (tavla tal-injam). Wieħed minnhom, magħfus bil-ħin, toħroġlu fakkalla, xi ħadd jislet il-filmat, itellgħu online, u x’ċuċ hu l-Omicron… F’kemm ili ngħidlek sabet ruħha f’salt memes, hashtags u flokkijiet!
sors: kartibilbajd.com
9. metro
Wara l-vapur tal-art u l-karozza tal-linja issa jidher li qed nitkellmu bis-serjetà (!) fuq sistema tat-trasport pubbliku tal-massa. M’aħniex ċerti tingħadx bl-aċċent fuq l-ewwel sillaba (mètro) jew fuq it-tieni (metrò). Lanqas għadna ma ddeċidejna hix maskili (metro ġdid) jew femminili (metro ġdida). Però, mhix problema, fadal sa ma tkun lesta. Vi jew va, nilħqu naqtgħuha, ħaqalanqas.
sors: bay.com.mt
10. Prosit, Ministru
Mhix kelma, veru, imma bla dubju hi l-aktar frażi li rajna miktuba taħt kull post ta’ kull ministru… tant li saret espressjoni sarkastika għal kull kazz li jinqala’. Maqbud fit-traffiku? Ħu ritratt #prositministru. Żdiedu l-każijiet? Faqqagħlu #prositministru u, ma jistax jonqos, 40 emoji ta’ lumija ????. Nagħlqu s-sena bil-verżjoni ta’ Ċikku l-Poplu: