Il-makkjetta hi waħda mill-ewwel forom ta’ kanzunetti jew għanjiet umoristiċi Maltin, li serviet bħala mezz ta’ divertiment għall-poplu għal ħafna żmien, imqar fis-snin koroh tal-gwerra. Għalkemm bdiet lejn l-aħħar tas-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin, il-popolarità tagħha mhux talli mhix tmajna, talli dan l-aħħar qed narawha tinfirex saħansitra f’festivals, f’rappreżentazzjonijiet teatrali u fi programmi televiżivi.
Dan il-ġeneru ewlieni tal-letteratura popolari jinqasam fi tnejn. Hemm il-makkjetta tal-għana, li tindaqq fuq melodija tipika tal-għana. Fost l-iprem makkjettisti tal-għana nistgħu nsemmu lil Fredu Spiteri l-Lavarist, li tista’ tisma’ aktar dwaru hawnhekk, u lil Fredu Abela l-Bamboċċu, li fost l-oħrajn jibqa’ msemmi għat-Taxi Mary. Din hi verżjoni aġġornata tal-makkjetta, adattata minni u interpretata minn Daniel Cauchi u Ray Calleja.
Imbagħad hemm il-makkjetta tal-palk jew tat-teatrin, li tindaqq fuq il-melodija ta’ xi kanzunetta, u li ħafna drabi kienu jiftħu u jagħlqu t-teatrin biha, inkella jdaħħluha bejn kummiedja u oħra. Charles Clews ħallielna bosta makkjetti ta’ din ix-xorta. Hawn taħt tista’ tisma’ waħda minnhom, In-Nannu Tiegħi Stess, interpretata minn Ray Calleja mal-Big Band Brothers. Fost il-makkjetti tal-palk hemm Baby Ġoġò ta’ Pawlu Tanti, Rożamarì ta’ Clews, u Imxu Suldati ta’ Gaetano Buttigieg. Fi żmienna, Joe Demicoli u l-atturi tal-programm Min Imissu?! ta’ sikwit joħorġu makkjetti ta’ dan it-tip.
Għalkemm mużikalment pjuttost distinti, il-makkjetta tal-għana u l-makkjetta tal-palk għandhom karatteristiċi komuni. Xejra fundamentali hi l-komiċità. Il-makkjetta hi għanja jew kanzunetta tad-daħk li tħaddem elementi bħall-ironija u s-sarkażmu, kif jixhdu dawn il-versi minn X’Aħna Sbieħ Min Jaf Jarana ta’ Emmanuel Cilia:
X’aħna sbieħ min jaf jarana!
Malta nqalbet ta’ taħt fuq.
Kulħadd jagħmel li jfettillu,
libertà fuq kull maħluq.
Il-mistħija m’għadhiex magħna,
x’aħna sbieħ min jaf jarana!
Fiż-żewġ oqsma l-makkjetta ġeneralment tkun qasira, iddum xi tliet minuti, bħall-kanzunetti. Għalhekk, sa ċertu punt, il-kanzunetta Maltija taf il-bidu tagħha fil-makkjetta; ħafna mill-ewwel diski Maltin irrekordjati kienu appuntu makkjetti jew parlanti. Waħda mill-itwal makkjetti hi Il-Pittur ta’ John Laus, li fiha tlettax-il minuta. Għall-ewwel kienet ’il fuq minn għoxrin minuta, imma meta ġie biex jirrekordjaha kellu jqassarha. Kif jinnota Kurt Slattery, “il-forza tal-makkjetta mhix marbuta mat-tul tagħha, imma mal-mod kif il-makkjettist jirnexxilu joħloq kuntatt mal-udjenza, iwassal il-messaġġ, u joħloq tbissima.”
Kwalità oħra tal-makkjetta hi li ma tkunx improvviżata. Anzi, tinkiteb minn qabel, tiġi studjata u mbagħad titgħanna jew titkanta quddiem udjenza. Ħafna drabi tiġi rreċtata minn persuna waħda, imma l-aktar makkjetti li għamlu suċċess kellhom sura ta’ dwett. Il-makkjetti ta’ bejn tnejn kemm-il darba jittrattaw xi argument, sintendi b’laqta umoristika, inkella jieħdu l-forma ta’ rakkont, bħat-Taxi Mary ta’ Fredu Abela l-Bamboċċu u George Azzopardi l-Makk. Żewġ makkjettisti li għandhom ħafna dwetti huma Charles Clews u Johnny Catania. Waħda minnhom jisimha Postijiet f’Malta, li hi serje ta’ mistoqsijiet u tweġibiet bejn missier (Clews) u iben (Catania) miżgħuda bil-logħob bil-kliem:
- Kevin, kemm taf fuq Malta, fuq pajjiżek? Taf x’kien jgħid Pietru Pawl Castagna, dak li kiteb l-istorja ta’ Malta, hux? Jekk ma tafx l-istorja ta’ pajjiżek, ta’ min trid tkun taf, ta’ qaddisek?
- U ija, naf, daddy.
- Mela ara bdejna. F’liema post f’Malta int għandek tmur jekk m’għandekx biex tixrob il-brodu?
- Il-Marfa.
- Fejn hu l-post li l-aktar fih tista’ timbokka flissjoni?
- Fomm ir-Riħ.
- Liem hu l-aktar post perikoluż f’Malta?
- Bir Miftuħ.
- Liem hu dak il-post f’Malta li jaf ċert min hija ommu?
- Bin Ġemma.
- Fejn trid tmur meta inti tkun trid tagħmel il-basal tal-pikles?
- Ħal Safi.
- Jekk għadek kemm tgħallimt tgħum fejn m’għandekx tmur tgħum għax żgur ma jilħaqlekx?
- Fond Għadir.
- Fejn trid tmur ħalli tieħu stuffatura tajba tassew?
- Għar Fekruna, daddy.
- Fejn għandhom jevitaw dawk li huma supersitzzjużi?
- Wied il-Għajn, daddy, għax jgħajnhuom hemmhekk.
- F’Għawdex tmur tfittex bniedem u ma ssibux id-dar. Fejn taħseb li jgħidulek li mar?
- Marsalforn.
- U fejn tmur għal spagettata tajba?
- Xrobb l-Għaġin, daddy.
- U fejn issib l-aktar nies sinjuri, għonja ta’ Malta?
- Bir id-Deheb, daddy.
- U fl-aħħar nett, fejn taħseb li l-aħjar tieħu torch lamp miegħek għax issibha bżonjuża?
- Għar Dalam, daddy. Hux kemm jien bravu, daddy?