Oliver Friggieri, poeżiji kiteb bil-mijiet. Fil-ktejjeb Il-Kliem li Tgħidlek Qalbek għandu ġabra ta’ aktar minn 500 ħajku, poeżija ta’ tliet versi biss (kwinarju, settenarju u kwinarju), mingħajr rima. “F’dawk is-sbatax-il sillaba,” jikteb Oliver fid-daħla, “jinġabar kunċett jew sentiment wieħed maħsub tajjeb, imfisser b’mod oriġinali, jew xbiha qawwija u milquta. Kollox jistrieħ fuq kemm il-versi tal-ħajku huma marsusin flimkien skont kontenut u kontinwità bejniethom.” Fi kliemu, “l-effett jiddependi minn kemm jolqot, jew jaħsad, jew iħalli impressjoni minnufih. Xi mkien hemm tidwira, aktarx mhux mistennija.” Hawn taħt ġbart uħud mill-aktar li jolqtuni.
Tqila l-memorja,
Għalhekk il-bniedem jogħtor
aktar ma jikber.
Razziżmu Malti:
Minflok il-lewn tal-ġilda,
lewn il-partiti.
F’dinja ta’ ħsejjes
kulħadd ibati xorta
fis-sikta tiegħu.
Bħal nemla bniedem,
bħal bniedem nemla – xorta
meta jintrifsu.
Tixjieħ u tteftef
fil-bwiet biex tara x’fadal.
Xejn ħlief memorji.
Jimtedd u jorqod
kuljum il-bniedem: prova
tal-aħħar xena.
Sa mill-Feniċi
ilha tinbena Malta,
u qatt mhi lesta.
Qalbek tgħid kelma,
u int tgħidilha oħra,
u tgħaddi tagħha.
Hi ħoss il-kelma.
Kif tidħol fik, tirbombja
ma’ ruħek kollha.
Il-Maltin fl-aħħar
ħadu ‘l Malta f’idejhom
u ssekwestrawha.
Il-bniedem jaħseb
li l-annimali muti.
Ma jafx il-lingwi.
Jimxi bil-qajla
il-bniedem fi xjuħitu.
Jibża’ li jasal.