Fis-sjuf ta’ tfuliti kont nintefa’ għad-dell ħdejn in-nannu. Bejn sigarett u ieħor erħilu jittantani, “Hawn ħaġa…” U jżellaqli waħda minnhom. 

Filgħodu fuq erbgħa,
F’nofsinhar fuq tnejn,

Filgħaxija fuq tlieta

Meta tiġih ħniena minni nkemmex moħħi u nħokk rasi, jaqtagħli l-kurżità. Il-bniedem. Filgħodu, fi ċkunitu, jitkaxkar fuq erbgħa, fuq idejh u saqajh. F’nofsinhar, meta jikber, jimxi fuq saqajh. U filgħaxija, fi xjuħitu, jarma l-bastun biex jitwieżen fuqu, u allura jkun fuq tlieta.

Lanqas f’mitt sena ma kont nobsor li l-versi ta’ nannuwi, raġel ta’ ftit skola, kienu l-famuża ħaġa moħġaġa tal-Isfinġe, “the riddle of the Sphinx” (mhux tal-pastizzi). Għax dawn l-enigmi huma tradizzjoni lokali daqskemm universali. Insibuhom f’ħafna kulturi tal-qedem, imma wkoll fil-letteratura ta’ żmienna. Fil-film La vita è bella, Guido u uffiċjal Nazista jisfidaw lil xulxin bil-ħwejjeġ moħġaġa. Fil-comics ta’ Batman, wieħed mill-għedewwa tal-eroj, The Riddler, qabel ma jwettaq xi reat, ipaspar ħjiel f’forma ta’ ħaġa moħġaġa. U fir-rumanz The Hobbit ta’ Tolkien, il-laqgħa bejn Gollum u Bilbo Baggins tieħu x-xejra ta’ kompetizzjoni tal-indovinelli. 

Anki fil-ħrejjef folklorisitiċi tagħna jintużaw. Stejjer bħal ta’ Bin is-Sultan Baqqari jew tax-Xiħ Midfun ġol-Għar huma mibnijin sewwasew fuq din il-logħba bil-kliem tradizzjonali, li tikkonsisti fi stqarrija jew mistoqsija, aktarx f’għamla ta’ ftit versi, li min jismagħha jrid jaqta’ x’inhi. Is-seħer tagħha jinsab fil-mod inġenjuż kif erba’ kelmiet magħżulin bir-reqqa jiddeskrivu ħaġa billi jsemmu ħaġa oħra. Il-folklorista Ġużè Cassar Pullicino jfissirha hekk: “Il-ħaġa moħġaġa tkun magħmula minn sensiela ta’ kliem, imnebbaħ aktarx minn xi tixbih fil-ħolqien jew fil-ħajja ta’ madwarna. Tasal għandna issa taħt għamla ta’ taqbila ħafifa u issa ta’ mistoqsija li ttik x’tifhem xi ħaġa li ma tingħadx”. 

Il-logħba kemm-il darba tibda bil-frażi Ħaġa Moħġaġa jew Hawn ħaġa, u kultant tispiċċa bil-mistoqsija X’inhija? inkella bil-vers Għidli int issa x’inhija. Ġeneralment tkun magħmula minn żewġ versi:

Meta jkollok bżonnha tarmiha
Meta ma jkollokx bżonnha terfagħha

[għat-tweġiba agħżel hawn: ankra]

Jekk titla’ tneżża’
Jekk tinżel tbeżża’

[għat-tweġiba agħżel hawn: temperatura]

Drabi oħra jkun fiha aktar versi, bir-rima jew mingħajrha:

Imwieled minn ommu
Jitrabba bix-xemx

Jekk imiss m’ommu jerġa’ jmut

[għat-tweġiba agħżel hawn: melħ]

Bil-pala u mhix furnara
Bil-kuruna u mhix sultana
Tgħix fir-raba’ u mhix bidwija
Imwielda Malta u mhix Maltija
Għidli int issa x’inhija

[għat-tweġiba agħżel hawn: bajtar tax-xewk]

Fost l-oħrajn, il-ħaġa moħġaġa tinqeda b’dawn il-mekkaniżmi lingwistiċi:

  • il-polisemija, kliem b’aktar minn tifsira waħda:

    B’żewġ widnejn
    U ma tisma’ minn xejn

    [għat-tweġiba agħżel hawn: borma]

    Il-logħba qiegħda fuq iż-żewġ sensi ta’ widna, l-organu tas-smigħ u l-manku tal-borma.

  • l-antiteżi, żewġ kelmiet jew kunċetti opposti mqiegħda ħdejn xulxin:

    Tal-art tiekol ta’ barra
    Tal-baħar tiekol ta’ ġewwa

    [għat-tweġiba agħżel hawn: tamla]

    Toħloq kuntrast bejn l-art u l-baħar, bejn barra u ġewwa, u bejn iż-żewġ tifsiriet tal-kelma tamal, li nużawha kemm għall-frott tal-art, bl-Ingliż dates, u kemm għall-frott tal-baħar, bl-Ingiż date mussels. Minn tal-art nieklu l-laħam ta’ barra u narmu l-għadma ta’ ġewwa. U minn tal-baħar, bil-kontra: narmu l-qoxra u nieklu l-laħam ta’ ġewwa.

  • in-negattiv, l-aktar l-użu ta’ mhux u mhix:

    Tista’ tkun bajda u bajda mhix
    Tista’ tkun sewda u faħma mhix
    Tista’ tkun fil-għoli u arblu mhix
    Tista’ tkun ħelwa u ħelwa mhix

    [għat-tweġiba agħżel hawn: għenba]

    Tilgħab biż-żewġ sensi ta’ kliem bħal bajda u ħelwa u tħaddem in-negattiv biex tiżvija lil min jipprova jaqtagħha.

  • il-metafora, it-tixbih ta’ ħaġa ma’ ħaġa oħra li għall-ewwel tidher ma tixbahha xejn:

    Torri fuq torri
    Bla bibien u bla firrolli

    [għat-tweġiba agħżel hawn: qasba]

    Ixxebbah l-għekiesi tal-qasba tas-sajd ma’ torrijiet. Imbagħad il-metafora testendiha billi ssemmi l-bibien u l-firrolli ħalli aktar tfixkel.

    Palazz bid-damask aħmar
    Suldati lebsin bojod
    Pulċinell jiżfen fin-nofs

    [għat-tweġiba agħżel hawn: ħalq]

    Il-ħalq hu mxebbah ma’ palazz, is-snien ma’ suldati u l-ilsien ma’ pulċinell. Din turi l-kreattività u l-ħila tal-poplu li jsawwar metafori friski.

  • id-doppju sens, għax uħud huma mibnijin b’mod li jidhru oxxeni u jinftiehmu ħażin, meta t-tweġiba tkun ħaġa komuni, mill-aktar xierqa:

    Jidħol xott
    Joħroġ imxarrab
    Jidħol iebes
    Joħroġ artab

    [għat-tweġiba agħżel hawn: għaġin fil-misħun]

    Twil
    Jibda bir-ras
    Jispiċċa bil-bajd

    [għat-tweġiba agħżel hawn: ir-Randan]

Il-ħwejjeġ moħġaġa Maltin ġeneralment jitkellmu fuq il-bhejjem u l-ħxejjex, l-ikel u x-xorb, l-ilbies, il-partijiet tal-ġisem u oġġetti fid-dar. Biss, xi wħud isemmu ħwejjeġ moderni:

Jekk titfiha tisħon
Jekk tixgħelha tiksaħ

[għat-tweġiba agħżel hawn: friġġ]

Is-swaba’ jinżlu ’l isfel
Ir-reqdin iqumu fis
Il-ferrovija tiġri
U l-qanpiena ddoqq biss

[għat-tweġiba agħżel hawn: typewriter]

Din il-mogħdija mit-tradizzjonali għall-modern flimkien mal-popolarità tagħha f’kull felli tas-soċjetà jixhdu li l-ħaġa moħġaġa għadha ssaħħarna għax, kif jikteb Cassar Pullicino, fiha “tinħass tħabbat ir-ruħ tal-poplu li ried, biex ngħid hekk, joħroġ jew joħloq bħal tagħlim fuq regoli msawrin minnu nnifsu biex iwessa’ l-moħħ, iħaffef u jgħaġġel il-pronunzja, iżid il-qawwa tal-osservazzjoni fil-bniedem u jkabbar il-ħażna ta’ tagħrif li huwa jiret mal-ħajja li jitwieled fiha.”

Verżjoni ta’ dan l-artiklu dehret f’ħarġa tar-rivista Encore.