Il-Latin ilsien klassiku li ta ruxxmata kliem lil bosta ilsna, inkluż il-Malti. Ħafna kliem Malti ta’ nisel Sqalli (bħal siġġu), Taljan (bħal ġenitur) u anki Ingliż (bħal dixx), fl-aħħar mill-aħħar ġej mil-Latin. Iżda hemm xi kliem jew espressjonijiet li daħlu fil-Malti direttament mil-Latin, aktarx minn kuntest reliġjuż, peress li t-talb u l-quddies sa ftit tas-snin ilu kienu jsiru bil-Latin. Bdejna.

nobis

Ġejja mill-frażi Latina ora pro nobis, jiġ. itlob għalina, li tintuża f’ħafna talb, speċjalment il-Litanija. In-nies ta’ bla skola, dik in-nobis f’tarf il-frażi fehmuha bħala xi azzjoni kbira, xi ħaġa liema bħalha.
Ħadt battikata nobis.
Tawh xebgħa nobis, miskin.
Irqadt raqda nobis.

paternoster

Bil-Latin tfisser missierna, u appuntu tirreferi għat-talba tal-Missierna. Dari, il-jum kien jibda bil-paternoster. Mal-erbgħa ta’ filgħodu kont tisma’ disa’ tokki biex tqum tirringrazzja lill-Mulej ta’ għodwa ġdida u tmur għax-xogħol. Għal min ikollu widnejh kbar ngħidu Dak jisimgħu l-paternoster! 

aċċjomu

L-aċċjomu hu statwa, xbieha jew skultura ta’ Ġesù Kristu bil-kuruna tax-xewk u bid-dmija. Nużawha wkoll għal xi ħadd wiċċu mbiċċer u ġismu mbenġel: Ġabuh aċċjomu bix-xebgħa li tawh. Ġejja mill-frażi Latina Ecce Homo, dan hu l-bniedem, li qalha Ponzju Pilatu meta ppreżenta lil Kristu flaġellat.

 

 

regjamaterna

Regjamaterna jew rekjemeterna ġejja mill-frażi requiem aeternam, jiġ. mistrieħ ta’ dejjem. Tirreferi għat-talba qasira li tingħad bħala suffraġju għall-erwieħ tal-Purgatorju, inkella għal xi ħaġa li tista’ troddilha salib.
Għid żewġ regjamaterni għall-erwieħ
Aħjar ngħidu regjamaterna għall-ftit ħdura li fadal

nomnipatri

Ġejja mill-frażi in nomine Patris, jiġ. fl-isem tal-Missier, imma bil-Malti tintuża:
a) meta tkun se taqbżilna bl-ikrah, in-nomnipatri reġgħet qabdet teqred
b) biex nibdew mill-bidu nett, ejja nibdew min-nomnipatri 
ċ) meta neħilsu xi ħaġa f’ħakka t’għajn, jew aħjar, f’radda ta’ salib, marru u ġew f’nomnipatri
d) meta nistagħġbu, u jekk nistagħġbu ħafna, inkompluha: xi bċejjeċ dawn, nomnipatri tfilju spirtussantu