Fil-presepju nsibu lil San Ġużepp u l-Madonna, il-Bambin fil-maxtura, is-Slaten Maġi, magħrufa wkoll bħala t-Tre Re, u r-ragħajja u l-bhejjem. Ilkoll flimkien insejħulhom il-pasturi. Imma l-kelma ġejja mit-Taljan pastori, jiġifieri ragħajja, għax ħafna minn dawk li marru jilqgħu lil Ġesù Bambin hekk kienu. Waqt li bit-Taljan tfisser ragħajja tad-demm u l-laħam, bil-Malti tintuża għall-figuri tal-presepju. 

Xi wħud ikunu bi lbies bibliku. Oħrajn bi lbies tradizzjonali tal-post fejn isir il-presepju. Ħafna minnhom bla isem. Imma xi ftit magħrufin bil-laqam tagħhom. Ngħidu aħna, hemm taż-żaqq, pastur idoqq iż-żaqq, strument tradizzjonali Malti, speċi ta’ bagpipes. Hemm ir-rieqed, pastur dejjem għaddej jonħor u joħlom. Imbagħad hemm ix-xabbatur, dak li jixxabbat mal-grotta, u l-għaġeb, pastur mistagħġeb b’idejh it-tnejn ’il fuq jadura lill-Bambin. Jissejjaħ ukoll l-aduratur. Iżda l-għaġeb aktar komuni, tant li sar idjoma. Tara lil xi ħadd rieqed, qisu ċapsa, tgħidlu. “Qisek l-għaġeb tal-presepju, ruħi!”

Trevor Żahra għandu taqbila ħelwa dwar il-pasturi. Jisimha “Presepju”.

Ma nafx l-għala mal-pasturi
Ma nagħmlux ukoll technician.
Avukat, kantant, mekkanik,
Xi hairdresser u beautician.

U flok ragħajja jsuqu l-merħla
Ma nqegħdux vann tal-ħalib;
Ma nafx l-għala ġewwa l-grotta
Ma npoġġux ners u tabib.

B’hekk inxandru … mingħajr kliem,
Li l-Milied jgħodd għal kull żmien.

Maż-żmien il-kelma pasturi ħadet sens ieħor, xejn pjaċevoli. Fit-traffiku tara ħafna nies jagħmlu l-pasturi, jirrumblawhom u jgarawhom barra mit-tieqa… Imma taf x’jissejjaħ min jagħmel il-pasturi? Il-pasturi tal-presepju, mhux tal-imnieħer!

Pasturar. U min jagħmel il-presepji jgħidulu presepist. Tikber u titgħallem!

Xewqat sbieħ :)