L-ismijiet tal-annimali kemm-il darba jintużaw biex jirreferu għal xi oġġett. Ngħidu aħna, bl-Ingliż:
mouse hu ġurdien u għodda biex iċċaqlaq il-cursor tal-kompjuter;
snake hu serp u għodda tal-plumbing;
bug hu insett u difett f’sistema kompjuterizzata.
L-istess bil-Malti. Dawn huma ħames oġġetti li, għal raġuni jew oħra, inxebbhuhom mal-annimali.

kelb

Il-kelb hu tip ta’ spanner, bl-Ingliż jissejjaħ shifting spanner jew adjustable spanner. Aktarx jismu hekk għax miftuħ ikun qisu ħalq ta’ kelb. Barra minn hekk, il-kelb hu ħadida milwija f’pistola, azzarin jew xi arma tan-nar oħra, li togħla u tinżel, u li trid tfaqqagħha biex tispara. Bl-Ingliż cock. Hemm aħna, annimal ieħor!

ħanżira

Il-ħanżira hi plakka li magħha tista’ tqabbad aktar minn apparat elettroniku wieħed, bl-Ingliż multiple plug, multi-outlet, eċċ. Ix-xebh din id-darba hu ma’ ħanżira li titma’ ħafna qżieqeż f’salt. Din il-kelma tintuża għal oġġetti oħrajn, bħall-kuntrabaxx u parti mill-dgħajsa tal-qlugħ li magħha jdawru l-ħbula. Il-ħanżira x’kelma dik.

wirdiena

Tibdiex tqarras wiċċek. Kulma hi bħal rota f’xi karozzi b’magna petrol, bl-Ingliż rotor arm. Tkun żgħira u sewda, u naħseb għalhekk laqqmuha l-wirdiena. 

 

pappagall

Il-pappagall hu martell li bih taqla’ l-imsiemer li jkunu mdaħħlin sew f’xi injama, kif ukoll ħadida b’tarf minnhom milwi bħal munqar ta’ pappagall, li biha l-ħallelin jiżgassaw is-serraturi, eċċ. Bl-Ingliż tissejjaħ crowbar. Anki huma, ma’ għasfur ixebbhuha.  

żiemel

Dan jintuża għal ħafna oġġetti, fosthom pedina fil-logħba taċ-ċess li jkollha għamla ta’ ras iż-żiemel, bl-Ingliż knight; trakk li bih tirmonka vettura oħra; bħal virga li magħha ddendel xugaman fil-kamra tal-banju; u l-manxar tal-ħwejjeġ li bl-Ingliż għandu ħafna ismijiet: clothes rack jew appuntu horse, clothes horse u drying horse.

U bħalhom hemm oħrajn. Ngħidu aħna, id-dubbiena hi dik it-troffa xagħar irqiqa li xi rġiel iħalluha tikber taħt ix-xoffa t’isfel; bl-Ingliż soul patch. Il-farfett hu skorfina b’par ġwenħajn, bl-Ingliż butterfly nut jew wing nut, kif ukoll l-isprinkler tat-tisqija. L-annimali ġieli jintużaw għal xi parti minn ġisimna, bħall-fenka li f’xi rħula (eż. il-Mellieħa) tintuża għall-pexxun inkella l-qarnita, għamla ta’ tumur beninn li jista’ jitrabba fl-għajnejn, fl-imnieħer, fl-utru, u l-bqija; polyp bl-Ingliż. U nibqgħu sejrin hekk. Għax dak hu s-seħer tal-lingwa: li xxebbah ħaġa m’oħra u ssawwar metafori li, għax jintużaw spiss, bilkemm nintebħu bihom.