Mitkellma 2018-10-02T16:08:01+00:00

Project Description

Mitkellma

Aktar minn mitt kelma f’madwar mitt sekonda dwar il-lingwa miktuba u mitkellma. Għandna seba’ mitt sena sa ma naqsmuh magħkom!

 

Minn Ottubru, ta’ kuljum fuq One, se nkopru xi aspett interessanti tal-ilsien Malti f’minuta u nofs. L-episodji friski, kollhom kuluri u varjati ġmielhom, sewwasew bħalma l-lingwa hi varjata u kkulurita. It-temi li nittrattaw huma bosta. Nistgħu, fost l-oħrajn, insemmu episodji li jiffukaw fuq elementi tat-tradizzjoni orali, bħall-ħaġa moħġaġa u t-taqbil tat-tfal; episodji li jkopru d-djaletti, il-lingwaġġ taż-żgħar, taż-żgħażagħ u tal-anzjani; u episodji li jesploraw nisel il-kliem, mhux biss ta’ kliem kurjuż, bħal koċċ u kwareżimal, iżda wkoll ta’ kunjomijiet u laqmijiet Maltin, u tal-ismijiet ta’ diversi mkejjen f’Malta u Għawdex.

 

Dawn is-suġġetti nippreżentawhom f’erba’ formati differenti. Ħeqq, għednielkom li l-programm varjat sew! Xi wħud jieħdu x-xejra ta’ dokumentarju qasir u divertenti, filwaqt li oħrajn isiru bis-sehem ta’ erba’ atturi mustaċċuni, imqar jekk bla mustaċċi… jekk tegħlbek il-kurżità, aqra l-paragrafu li jmiss u tkun taf min huma. It-tielet format hu innovattiv għall-aħħar. Jaqbad l-idjomi u l-espressjonijiet minn fommna u jsarrafhom f’animazzjonijiet mill-isbaħ li, bl-ilwien u l-movimenti tagħhom, jixegħlu l-fantasija taż-żgħar u tal-kbar. L-aħħar tip ilaqqagħna mal-Maltin u l-Għawdxin fit-toroq u l-pjazez, li f’intervisti ħfief u mżewqa, juruna kif kliemna jinbidel minn raħal għal ieħor u minn ġenerazzjoni għall-oħra.      

 

 

M’għandniex xi ngħidu, proġett bħal dan ma jistax isir minn bniedem waħdu. Il-produzzjoni f’idejn Graziella Ellul u Martha Carabott ta’ Reel8 Productions Ltd, żewġ żgħażagħ b’esperjenza twila fil-qasam tax-xandir li għaqqdu tim b’ħafna talenti. L-episodji jiktibhom Michael Spagnol ta’ Kelma Kelma u l-membri oħra tat-tim jagħtuhom il-ħajja. L-artist Julian Mallia (Julinu) donnu jisraq l-ilwien mill-kliem u bihom ipitter illustrazzjonijiet moderni u intelliġenti. Imbagħad permezz tal-grafika, Malcolm Ricci, disinjatur u vidjografu, jinseġ kollox f’animazzjoni waħda. Ir-riżultat diffiċli tqiegħdu fi kliem. Li nistgħu ngħidulkom hu li l-ilsien Maltin qatt ma rajnieh f’sura bħal din. U ħalli sa fl-aħħar naqtgħulkom il-kurżità, l-erba’ atturi li se jżewqu l-programm u se jaqsmuna bid-daħk, mhuma ħadd ħlief Claire Agius Ordway, Ray Calleja, Angele Galea u Malcolm Galea.

Dan il-proġett qed isir bl-appoġġ tal-fond Kultura TV.

Verżjoni ta’ dan l-artiklu dehret fir-rivista l-Gwida