5 kelmiet bi storja kurjuża 2018-03-31T19:10:24+00:00

Project Description

Wara kull kelma hemm storja. Ta’ dawn il-ħamsa partikolari ħafna.

zuntier

Ġejja mill-Isqalli zimiteru, jiġifieri ċimiterju, għax fl-antik il-pavimentar ta’ quddiem il-knisja kien post tad-dfin. Illum il-ġurnata l-mejtin nidfnuhom fiċ-ċimiterju u fuq iz-zuntier ninġabru wara l-quddiesa biex ngħidu kelma jew tnejn fuq il-ħajjin u fuq il-mejtin, litteralment. 

ċaw

Din il-kelma ssibha f’ħafna ilsna. Fil-Malti daħlet mit-Taljan ciao, li ħadha mill-Veneto, minn s’ciavo, jiġifieri skjav, ilsir, qaddej. Biss, ma kinitx tgħajjira, iżda tislima ta’ rispett, bħal meta ngħidu:
“Sellili.” “Inservik
“Fiex nista’ naqdik?”
“Ikollok bżonn, ikkmandani

fajjar

Aktarx ġejja mill-Ingliż to fire, jiġifieri tispara, tiftaħ in-nar fuq xi ħaġa jew xi ħadd. Mid-dehra fi żmien il-gwerra, il-Maltin kienu spiss jisimgħu lis-suldati Ingliżi jgħajtu “fiiiiiire” u din il-kelma fehmuha bħala tgara, tixħet, twaddab jew, appuntu, tfajjar.

tadam

Ftit jafuha din, imma isem din il-frotta (jew ħaxixa?) ġej mill-aħħar parti tal-frażi tuffieħ t’Adam. F’xi rħula Maltin u Għawdxin għadek issib min it-tadam isejjaħlu tuffieħ jew tuffieħ t’Adam u t-tuffieħ, mill-banda l-oħra, isejħulu tuffieħ ta’ Belludja.
U kif qed insemmu lil Adam, kelma oħra marbuta miegħu hi bniedem. Ġejja mill-Għarbi ibn ādam, jiġifieri bin Adam, għax dari kienet mifruxa sew l-idea li aħna lkoll aħwa mnisslin minn Adam. Fi kliem ieħor, inti oħti jew ħija, anki jekk ma nafekx minn Adam!

id-di u d-do

Din l-espressjoni ġejja mill-isem ta’ żewġ gunboats Ingliżi, imsemmijin għax-xmajjar Dee u Don, li kienu damu bosta snin sorġuti ħdejn xulxin il-Kalkara. Għalhekk meta naraw lil xi tnejn dejjem flimkien ngħidu qishom id-di u d-do.

 

 

 

Facebook Comments