Bl-Ingliż jgħidu time is money, il-ħin flus. Mhux ta’ b’xejn. Għax meta nitkellmu dwar il-ħin bl-Ingliż, spiss nużaw espressjonijiet marbutin mal-flus. Ngħidu to spend time, letteralment tonfoq il-ħin (jiġ. tqatta’ l-ħin), to invest time, tinvesti l-ħin, to waste time, taħli l-ħin, to put aside some time, twarrab jew tħalli ftit tal-ħin, to save time, letteralment tfaddal il-ħin. Din tal-aħħar bil-Malti wkoll inxebbhuha mal-infiq; ngħidu tiffranka l-ħin, bħalma ngħidu tiffranka lira.

issa ħin il-futbol

Il-minuti qishom muniti. Kollox sew. U l-futbol? Il-logħba s-sabiħa nitkellmu dwarha daqslikieku kienet gwerra. Fil-lingwaġġ tal-futbol, l-arena sportiva ssir il-kamp tal-battalja, il-plejers isiru s-suldati u t-tim l-armata, sieq jew ras il-plejer isiru l-arma u l-ballun il-munizzjon. Il-lingwaġġ tal-futbol hu kkaratterizzat minn metafori militari sewwasew għax il-futbol, bħall-gwerra, hu sport kompetittiv, bi ħsieb strateġiku, b’ħidma fi grupp, u jintemm bil-glorja tar-rebħa u bit-togħma qarsa tat-telfa. Il-futbol hu kompetizzjoni fiżika akkanita. Mhux ta’ b’xejn li l-ġurnalisti u l-kummentaturi jqabbluh mal-gwerra u jfissruh b’metafori ta’ battalja, tattika u strateġija. Kif jixhed il-kliem t’hawn taħt.

tattakka

Il-verbi tal-futbol aggressivi għaġeb. Il-plejer jattakka u l-gowler jiddefendi l-lasta. Kollha kemm huma jiġġieldu għall-ballun u jissieltu għar-rebħa tal-kampjonat jew tat-tazza tad-dinja. Tim b’saħħtu jiddomina l-partita jekk jassedja l-lasti avversarji u jibbumbardjahom. U meta plejer jixxuttja ‘l fuq wisq jgħidu spara għoli. 

ħbieb u għedewwa

U n-nomi mhux inqas belliġerenti. Waqt partita nitkellmu dwar attakk u kontrattakk, assedju, battalja taqtigħa. Saħansitra massakru nużaw għal tim li jkun superjuri l-logħba kollha u jiskorja ħafna. Bħal fil-gwerra, fil-futbol teħtieġ tattika strateġija. U kull logħba jkollha l-attakkanti u d-difensuri, l-avversarju jew l-għadu, imqar jekk għandna l-logħob ta’ ħbiberija! U moħħok hemm, għax xutt qawwi u dirett jgħidulu kanun, bomba inkella missila. Ajma rasi!

agħtu, agħtu

Jekk toqgħod tifli l-frażijiet li nużaw, tkompli tikkonferma kemm il-futbol gwerra. Bħal meta ngħidu partita missielta, azzjoni perikoluża, konfront dirett, il-ħajt tad-difiża, fawl tattiku, thedded il-lasti, tbiegħed il-periklu, tiddomina territorjalment, taqsam jew tinfed id-difiża, u x’naf jien.

il-politika

Il-ħelwa hi li l-lingwaġġ tal-futbol kulma jmur qed isir għajn ta’ metafori f’oqsma oħra tal-ħajja. Ngħidu aħna, fid-diskussjoni politika u soċjali spiss nisimgħu frażijiet bħal ballun politiku, partit b’tim magħqud, nuru l-karta s-safra lill-gvern, jiskorja politikament, il-kontribut tiegħu fil-kampanja ħafna jqisuh bħala fawl serju, il-poplu mhux ballun tal-futbol, ma jingħatax bis-sieq. Dan jixhed kemm il-preżenza tal-futbol hi qawwija mhux biss f’ħajjitna imma anki fi lsienna.