Kif nikteb bl-ittri tal-Malti?

Fuq il-mobile jew it-tablet, niżżel l-app SwiftKey jew GBoard b’xejn, mill-App Store għall-iPhone u l-iPad u mill-Google Play għall-Android. Intik parir tniżżilhom għal erba’ raġunijiet (m’għandix commission):

  1. Bihom faċli ħafna tikteb bl-ittri kollha tal-Malti: Ċċ, Ġġ, Ħħ, Żż, Àà, eċċ.
  2. Int u tikteb, l-app tissuġġerilek il-kliem. Jekk tikteb grazzi, ittik ħafna u għal, żewġ kelmiet li s-soltu jsegwuha. Inkella jekk tikteb il-ġimgħa ttik li għaddiet u d-dieħla.
  3. Fil-biċċa l-kbira, ittik il-kelma miktuba bl-ortografija tajba. Tal-ġenn, le?
  4. Jekk fl-istess kitba taqleb mill-Malti għall-Ingliż jew għal xi lingwa oħra, m’għandek għala tagħfas xejn. L-app tinduna waħedha u tissuġġerilek il-kliem b’dik il-lingwa partikolari.

Hemm apps oħrajn b’xejn, bħall-Maltese Keyboard għall-iPhone u l-iPad, u l-MultiLing Keyboard għall-Android.

 

U fuq il-kompjuter?

Jekk għandek Mac

  1. Fil-menù tal-Apple agħżel System Preferences
  2. Agħżel Language & Region u agħfas il-buttuna Keyboard Preferences
  3. Agħfas is-sinjal + li ssib isfel fuq ix-xellug, u mil-lista tal-lingwi li titlagħlek, agħżel il-Malti

Jekk tuża Windows 10

  1. Agħfas il-buttuna tal-Windows u agħżel Settings mill-menù
  2. Agħżel Time & language u agħfas Region & language
  3. Agħżel Add a language, u mil-lingwi li jtik, agħżel il-Malti
  4. Agħfas Options u agħżel it-tip ta’ tastiera għall-kompjuter tiegħek

Jekk teħel, tinkwetax. Idħol fis-sit tal-Kunsill tal-Malti u segwi l-istruzzjonijiet pass pass. Id-dokument fih anki ritratti li juruk x’għandek tagħfas u xi mistoqsijiet komuni bi tweġibiet sempliċi.

Issa ntefa’ taptap, u ara ma terġax tibgħatli Aw ċiċċ biċ-ċ bla tikka, ja ċe bit-tikka!

 

Ħajr
Is-sit tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, kunsilltalmalti.gov