Kelma ħafna drabi jkollha aktar minn tifsira waħda. Ngħidu aħna, mazzun hu tip ta’ ħuta u xi ħadd li jemmen kulma jisma’. Widna hi parti minn ġisimna u manku ta’ xi kikkra jew borma. Mazza hi tip ta’ martell kbir u xi ħadd li jħawwadlek il-wires. Kelma li għandha ħafna tifsiriet hi, skużi, żibel.
tifsira 1
L-ewwel waħda ovvja: skart, ħmieġ u kulma jintrema.
Nużawha wkoll:
a) għal xi landa, tank, borża taż-żibel u l-bqija
Il-karti itfagħhom fiż-żibel
b) għall-ħaddiema tal-iskart
Imnalla jkunu taż-żibel li xemx u xita jiġbru l-iskart tagħna
ċ) u għat-trakk taż-żibel, l-iscammell
Se nasal tard għax hawn taż-żibel quddiemi #blajtu
Kont taf li Scammell hi isem ta’ ditta Brittanika li timmanifattura t-trakkijiet? U ma tagħmilx trakkijiet taż-żibel biss. Imma għalina tfisser trakk taż-żibel. Għax aħna bid-ditti nagħmlu li rridu u li jogħġobna.
tifsira 2
Xi ħadd kiesaħ, qżież, dardira.
Kieku taf x’hawn taż-żibel jiġri mas-saqajn
Minnha noħorġu żiblu.
Dak iż-żiblu ħlief imaqdar ma jafx
U żibla. Jista’ jonqos.
Ja żibla li hi marret tpeċlaq kontrija
tifsira 3
Kif issir meta tieħu kedda papali, titħabat, tinfileġ, titħammeġ u tegħreq ħafna
Għadni ħa nibda l-ġurnata u ġa sirt żibel
Biex tela’ t-telgħa f’dik ix-xemx sar żibel
tifsira 4
Min jixrob ħafna, jisker, isir għoqda, ċappetta, daħna, patata, ċoff, stoppin, ċaflisa, mandra, maħta, pudina, ħ*ra mejjet
La jispiċċaw l-eżamijiet insiru żibel
Jekk issir żibel, tkun għamilt żiblata. U jekk tagħmilha spiss u bil-goff, ikollok tuża n-nom żiblaġni.
Bilħaqq, sar żibel tħawwadhiex ma’ żżagħbel. Tixbahha fil-ħoss, però żżagħbel tfisser tiddeverti, titbaħrad, tixxala bla rażan, imqar jekk ma tiħux qatra.
tifsira 5
Għaqda mhux governattiva li qiegħda tagħmel ħafna xogħol siewi biex tnaddaf il-gżejjer u l-baħar tagħna u tqajjem kuxjenza dwar il-ġbir, ir-riċiklaġġ u t-tnaqqis tal-iskart. Idħol fil-paġna ta’ Facebook tagħhom u tihom daqqa t’id lil dawn il-werrieta denji ta’ Xummiemu. U tarmix barra. Tkunx żiblu.