Għaliex wara xi numri niktbu -il?

Wara n-numri mill-ħdax sad-dsatax niktbu -il
Malta hi maqsuma fi tlettax-il distrett
Din hi l-ħmistax-il edizzjoni tal-festival
Biex tidħol, irid ikollok sittax-il sena

Mnejn ġej dan id-denb?

Fil-Malti, in-numri b’żewġ figuri nibdewhom minn wara. L-ewwel ngħidu l-waħdiet, imbagħad l-għaxriet, tnejn u ħamsin, sitta u tletin, erbgħa u tmenin.
Mhux bil-Malti biss. Bil-Ġermaniż, bid-Daniż, bl-Olandiż u b’xi lingwi Ċeltiċi hekk jingħadu wkoll. Fl-Ingliż storikament hekk kienu wkoll: 21 kien jingħad ān ond twentig, ‘one and twenty’, wieħed u għoxrin.
Fdal ta’ dan insibuh fl-Ingliż tal-lum. In-numru fourteen ġej minn féowerténe. L-ewwel l-erbgħa (four) u mbagħad l-għaxra (ten). Bħalu fifteen minn five u ten, sixteen minn six u ten, u nibqgħu sejrin hekk.
L-istess bit-Taljan. Il-kelma quattordici ġejja mil-Latin quattuŏrdĕcim, magħmula minn quattuor, ‘quattro’, erbgħa, u decem, ‘dieci’, għaxra. Hekk ukoll undici, minn uno u dieci, tredici, minn tre u dieci… mil-lemin għax-xellug, bħall-Malti.

Bħall-Malti, kif?

Għax erbatax ġejja mill-Għarbi arbaʻata ʻashar, erbat għaxar, ħmistax minn khamsata ʻashar, ħamest għaxar, sbatax minn sabʻata ʻashar, sebat għaxar, u l-bqija. L-ar ta’ għaxar maż-żmien saret -il. Huwa għalhekk li n-numri mill-ħdax sad-dsatax nehmżulhom -il fit-tarf.

Hemm xi kliem ieħor li jieħu dan id-denb?

Apparti dawn id-disa’ numri, hemm kelma waħda li magħha nehmżuh ukoll: kemm
Rajtu kemm-il darba
Kemm-il siġra ħawlu?
Min jaf kemm-il ċitazzjoni qlajt

Hawnhekk niktbu -il mhux l-artiklu il-. Li kieku kien l-artiklu, konna ngħidu kemm id-darba u kemm iċ-ċitazzjoni. Imma artiklu mhux, u allura niktbu kemm-il darba u kemm-il ċitazzjoni.