Tiskanta l-Malti x’inhu internazzjonali. Aħna u nitħaddtu tgħidx kemm insemmu ġnus u popli minn madwar id-dinja. Bla ma nindunaw. Tlaqna dawra mad-dinja fi tmenin sekonda.

Fil-ġnien għandna l-ħaxixa Ingliża. U fis-salott tapit Persjan. Missieri jħobb il-ħobż tal-Franċiż. Imma ommi tippreferi l-pan di Spanja. U lili tgħidx kif tinżilli għasel biċċa ħelwa tat-Tork.
Kos, fuq it-Torok għandna ruxxmata espressjonijiet. “Ipejjep daqs Tork” ngħidu għal min kif jitfi sigarett, iqabbad ieħor. Meta jkun bnazzi u tibda tqattar ngħidu, “Xemx u xita twieled Tork” jew “tgħammed Tork”. Għax xemx u xita f’daqqa rari daqs Musulman li jsir Nisrani. Anki meta nirrabjaw, it-Torok jeħlu ma’ rasna. “Ħaqq għat-Torok, xi t-Torok trid?!”

Meta ma nifhmekx ngħidlek, “Qed tkellimni bil-Grieg” jew “bil-Ġappuniż”. Meta tagħmel xi ħaġa bil-maqlub ngħidlek, “Qed tagħmel bħall-Għarab”. U jekk kif tlesti, taqbad u titlaq, taf x’ngħid? “Ara dan kif jagħmel, bħall-Għawdxin”. Għax l-Għawdxin ikunu jridu jħaffu biex jilħqu l-vapur.
U la semmejna ’l Għawdex, anki rħula Maltin jeħlu ma’ rasna. “Mur saqqi l-ħass tal-Marsa” ngħidu lil min iqabbiżhielna. Dwar in-nisa Qriema taf x’jgħidu? “Mara Qormija tiswa daqs seba’ mija”. Imma qawl ieħor jgħid, “Mara mill-Imsida l-gidba f’idha”. Ma tantx aħna kumplimentużi mal-Misidjani. U lanqas mar-Rabtin ta’ Malta. Għax jgħidu, “Rabti kibx għal ċinkwina ma rikibx”. Jiġifieri tar-Rabat xħaħ. 

Ara jekk tkun tħobb tberbaqhom, jgħidulek, “Int kemm int Amerikan?”. Jekk nasal tard tgħidli, “Ħin Ingliż għandek ukoll”. U taqbad tkellimni bil-Franċiż. Jiġifieri tibgħatni ni… nitmellaħ. Minflok bil-Franċiż aħjar tkellimni bil-Malti, għax tgħidhieli ċar u tond. Basta ma tkellimnix bil-Malti pur

Taf xi espressjoni oħra simili?