Aħna l-Maltin inħobbuhom il-laqmijiet. Sa minn meta nkunu żgħar l-iskola, l-hena tagħna naqilgħu laqam lil sħabna u lill-għalliema. Tiskanta, f’xi rħula eħfef tistaqsi għal xi ħadd b’ta’ min isejħulu milli b’ismu u kunjomu. Il-ħelwa hi li anki l-bliet u l-irħula għandhom il-laqam tagħhom. Ejja nsemmu wħud minnhom u naraw fuq fuq minn fejn ġejjin.

 

Tat-Toqba

Tal-Birgu hekk jgħidulhom għax f’tarf il-belt hemm naħa għamla ta’ toqba magħrufa bħala t-Toqba. Veru oriġinali, hux? Tal-Kottonera kollha għandhom laqam.
Tal-Isla Ta’ Ċaċu u Tal-Faħħarin, għax jgħidu li s-Sengleani fanfaruni u jqisu ruħhom superjuri għal tal-Birgu u ta’ Bormla. Isibuhom ukoll Tar-Rixa għax, mid-dehra, fl-antik meta kienu jnittfu xi serduq jew dundjan, kienu jnittfuh fil-gallarija u r-rix jitfgħuh fit-triq ħalli kulħadd ikun jaf kemm jieklu tajjeb.
U l-Bormliżi jsejħulhom Ta’ Baħarhom għax il-baħar u x-xatt tal-inħawi kienu jqisuhom tagħhom, inkella Ta’ Baħar iċ-Ċwieċ, għax skont in-nies tal-bliet ta’ ħdejhom, il-Bormliżi mzazen, kulma tgħidilhom jemmnuh.

 

Tal-Pepè

Beda bħala laqam għas-Slimiżi u llum sar idjoma komuni għal min ikun jippretendiha, imnieħru mxammar u kollu Ingliżati. Ħafna jaħsbu li l-laqam ġej mill-kelma papà li għawġuha pepè apposta għax tirreferi għal grupp ta’ nies li jitħaddtu l-Malti b’aċċent Ingliż, you know.
Imma s-Slimiżi jsibuhom ukoll Tax-Xelin. Jgħidu li l-Ingliżi kienu bnew knisja protestanta Tas-Sliema u ftit kienu jmorru nies fiha. Allura kienu jagħtu xelin lil dawk il-Maltin li kienu jmorru għas-servizzi reliġjużi. U minn hemm baqgħatilhom Tax-Xelin.

 

Tas-Sikkina

Hekk isibuhom lill-Ħamruniżi. Mnejn ġej il-laqam?
Teorija A: Kien hemm żmien meta ħadd ma ried imur joqgħod il-Ħamrun. Allura l-prezz tal-bini u l-kera tant raħsu li bdew imorru joqogħdu hemm nies tas-sikkina, jiġifieri ta’ qattagħni.
Teorija B: Fl-imgħoddi kien hemm ħafna burdnara jgħixu l-Ħamrun u dawn kienu jġorru s-sikkina fil-kalzetti, bħalma kienu jagħmlu l-iscouts.

 

Ta’ Saqajhom Ċatti

Taż-Żejtun jgħidu għandhom saqajhom ċatti u hemm ħafna ideat mnejn ġej dan il-laqam. Jgħidu li meta San Pawl mar iż-Żejtun, iż-Żwieten ma ridux jemmnu fi Kristu u bdew isabbtu saqajhom mal-art. Minn dakinhar, min jitwieled hemm, kellu jitwieled saqajh imfattrin. Skont storja oħra, iż-Żwieten kienu keċċew lill-Franċiżi ’l barra bis-sieq u bil-kedda li ħadu, saqajhom iċċattjawlhom.

 

Tal-Patata Ċatta

Ta’ Birkirkara hekk jafuhom għax waqt li kienu qed itellgħu l-qanpiena fil-kampnar, inqatgħalhom il-ħabel u waqgħu għal patatthom. Il-Karkariżi kellhom laqam ieħor, Tal-Fuħħar għax fl-imgħoddi l-fuħħar kien jinħadem l-aktar f’dan ir-raħal.

 

U fejn toqgħod int, ta’ xiex isibukom?