L-ismijiet tal-ilwien fil-Malti jinqasmu fi tlieta. Tal-ewwel ġejjin mill-Għarbi. Aktarx ikunu lwien bażiċi u jkollhom is-sura sillabika v12v3, bħal aħdar, isfar, aħmar u ikħal. Tat-tieni ġejjin mill-Isqalli u mit-Taljan, bħal kannellavjola, roża, ċelesti u kafellatte. U fl-aħħar għandna kuluri ta’ nisel Ingliż, bħal maroon, turquoise, peach, off-white u wine. Dawn li ġejjin huma ħames kuluri ta’ nisel Għarbi li biex tiltaqa’ magħhom trid jew taqra xi ktieb qadim jew tmur tgħid kelma ma’ nies minn xi rħula bħall-Mellieħa, iż-Żurrieq u s-Siġġiewi.

iżraq

Dan hu l-kulur blu ċar, ċelesti, lewn is-sema, bl-Ingliż azure. Fil-fatt l-Azure Window tad-Dwejra – Alla jtiha l-glorja tal-Ġenna – ġieli jsejħulha Tieqa Żerqa. Kittieba antiki bħal Ġan Franġisk Abela u De Soldanis dan l-isem (bil-Malti ta’ dari Tieka Szerka) jużawh biex jirreferu għall-għar tal-Inland Sea, il-Qawra tad-Dwejra. Meta snin wara ssawret it-tieqa li ġġarrfet m’ilux, isem il-fetħa beda jintuża għaliha.
Għalkemm il-maskil (iżraq) u l-femminil (żerqa) qajla għadek tismagħhom, jekk mhux fl-idjoma agħma iżraq, jiġ. min ikun tilef id-dawl għalkollox, il-plural żoroq għadna nużawh: Għandha għajnejha kbar u żoroq.   

ixheb

Qabel ma daħlet il-kelma griż kellna l-ixheb. F’kitbiet qodma ssib frażijiet bħal sħab ixheb jew leħja xehba u twila. Illum xi wħud għadhom jużaw din il-kelma għall-annimali, eżempju żiemel ixheb jew fenka xehba. Hemm kulur ieħor li nzerta jixbhu kemm fl-isem u kemm fit-tifsira: ixjeb. Jirreferi għax-xagħar abjad, imma ma nafx li għadu jintuża. Tqatta’ xejn ħin quddiem il-mera tara għandekx xi xagħra xehba jew xejba?

ixqar

Dan hu lewn ħamrani, ruxxan. Jintuża għall-bhejjem, eżempju mogħża xaqra jew żiemel ixqar li jkun ta’ lewn kannella ħamrani, bl-Ingliż sorrel. Imma l-Mosta, il-Mellieħa u xi rħula oħrajn fin-naħa ta’ fuq jintuża għal min ikun ġinġer, bajdani u xagħru jagħti fl-aħmar. Anki l-kulur li jmiss…

 

faqsi

Din hi l-kelma Maltija għal min ikun red-haired. Malta ma tantx issib minnhom. Tant hu hekk li qawl antik jgħid, Għall-faqsi xejn la tistaqsi, għax min ikun abjad siċċa u xagħru ħamrani tagħrfu ġej minn seba’ mili bogħod. Liema tippreferi ixqar jew faqsi? Ngħidu aħna, Nicole Kidman mara xaqra jew faqsija?

nir

L-idjoma ikħal nir kulħadd jafha. Imma ftit jafu li n-nir hu dak il-blu qawwi li bl-Ingliż jissejjaħ indigo. Ħafna ismijiet tal-kuluri ġejjin minn xi pjanta, bħal vjola mill-vjola jew il-vjoletta inkella roża minn rosa, il-warda. Hekk ukoll nir ġej mill-pjanta Indigofera li fl-antik kienu jkabbruha biex minnha joħorġu żebgħa ta’ dan il-lewn. Il-kuluri tal-qawsalla bil-Malti mela huma l-aħmar, l-oranġjo, l-isfar, l-aħdar, il-blu, in-nir u l-vjola.

Taf xi lewn ieħor li qajla għadek tisimgħu?