Kif jgħaddi l-Karnival, ħafna jibdew iħejju ruħhom għaż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa. Is-sawm, l-eżerċizzi, il-vari, il-wirjiet, il-purċissjonijiet, il-qagħaq tal-Appostli. Nagħtu ħarsa lejn ħames kelmiet minn dan iż-żmien li hu għal qalb ħafna Maltin. Nibdew bir-…

randan

Kif nafu, ir-Randan hu l-erbgħin jum ta’ ndiema u penitenza mill-Erbgħa tal-Irmied, magħruf bħala Ras ir-Randan, sa Sibt il-Għid, minbarra l-Ħdud. Li ma jafx kulħadd hu li l-kelma randan ġejja mill-Għarbi ramaḍān, imqar jekk ir-Randan Malti m’għandux x’jaqsam mar-Ramadan Iżlamiku.
Apparti randan, hemm kliem ieħor mid-dinja Għarbija-Musulmana li fil-Malti tajnieh bixra Nisranija. Ngħidu aħna, għid fl-Għarbi tfisser festa, imma fil-Malti tajnieha libsa Kattolika, eż. l-Għid il-Kbir u Għid il-Ħamsin. Hekk ukoll Alla, li minn Allah tal-Iżlam, saret tirreferi għal Alla tal-Kristjaneżmu. Jew Alla wieħed hemm?

yellow bird plush toy on brown wood

kwareżimal

Ir-Randan hu żmien ta’ sawm u astinenza. Fost l-ikel li jittiekel f’dan il-perjodu hemm il-kusksu bil-ful, l-isfineġ tal-bakkaljaw u l-qagħaq tal-Appostli. Il-pastizzi, minflok bl-irkotta u l-piżelli, jimlewhom bl-inċova. Fl-imgħoddi s-sawm kien aktar strett. La kienu jieklu laħam u lanqas prodotti tal-annimali bħall-bajd u l-ħalib. Insomma, kienu vegani qabel il-veganiżmu – għalkemm il-ħut kienu jikluh. Il-ħalib setgħu jixorbuh darba biss, u l-bejjiegħa tal-ħalib ma kinux isemmuh b’ismu. Kienu jgħajtu Hawn tal-Abjad, ħalli ma jwaqqgħux nies fit-tentazzjoni. 

Ħelu xejn. Ħlief il-kwareżimal, pasta tawwalija magħmula b’għaġna ta’ dqiq, lewż mitħun, kannella u ħwawar oħrajn. Il-kelma ġejja mit-Taljan quaresimale, li hi marbuta ma’ quaresima, jiġifieri r-Randan. U għat-tfal – żgħar u kbar – hemm il-karamelli tal-ħarrub, ħelu magħmul mill-ħarrub, l-għasel u l-ġulepp. Jekk tieklu ma tonqosx. Fil-fatt kienu jgħidu, Karamelli tal-ħarrub, min jikolhom ma jagħmilx dnub.

Kwareżimal - Maltese Lenten biscuit - Apron & Whisk

duluri

Il-plural ta’ dulur, diqa, niket, uġigħ ta’ qalb, fi żmien ir-Randan jirreferi għall-vara tal-Madonna mnikkta b’sejf f’qalbha f’għarqub is-salib. L-idjoma wiċċ id-Duluri tfisser sewwasew xi ħadd qalbu sewda. F’jum id-Duluri, il-Ġimgħa qabel Ħadd il-Palm, isiru l-purċissjonijiet. Bosta nies jagħmlu l-wegħdiet u jimxu wara l-vara, uħud minnhom ħafjin, u oħrajn jinżlu għarkupptejhom kull meta tieqaf il-vara. Dari kienet issir is-sawma tas-seba’ bukkuni. Kienu jmorru għand il-ġirien jitolbu biċċa ħobż, u jgħaddu l-ġurnata b’dawk is-seba’ biċċiet ħobż. Xi wħud kellhom taqbila għal meta jittallbu:

Għandkom ġejt f’ġieħ id-Duluri
loqma ħobż nitlob agħtuni
F’din is-sawma ħobż u ilma,
għandi bżonn seba’ bukkuni 

Id-Duluri – Our Lady of Sorrows | Primary 4.3 2011-2012

tniebri

Nużawha fl-Erbgħa tat-Tniebri. Ġejja mit-Taljan tenebre, dlamijiet. Qabel il-Konċilju Ekumeniku II kienu jixegħlu 15-il xemgħa fuq kandelabru li jissejjaħ barabba – mhux Barabba ta’ Pilatu. Skont Guido Lanfranco, “Wara kull salm kien joħroġ abbati jitfi waħda. Wara l-lawdi kien jitfi l-aħħar waħda. Kulħadd dik kien ikun jistenna, u tfal imorru apposta dak il-ħin, biex jibdew iċaqalqu s-siġġijiet tal-knisja, isabbtu bibien u jagħmlu storbju sħiħ biex joħolqu l-hekk imsejjaħ terremot, tifkira ta’ dak ta’ meta miet Kristu”.

white concrete statue during daytime

borma

Ħafna wirjiet tal-Ġimgħa Mqaddsa jkollhom il-borma biex tfewwaħ l-ambjent tal-wirja. Fost l-ingredjenti tal-borma hemm il-larinġ tal-bakkaljaw, il-lumi, l-imsiemer tal-qronfol, il-kosbor, il-kannella, il-bużbież, il-balzmu, l-inbid aħmar, l-ilma żahar u l-weraq tar-rand. Għall-metodu m’għandekx għala ssaqsi lil Nancy jew Karmen Tedesco. Kemm titfa’ kollox ġol-borma, tħallih jagħli għal ftit minuti, u tħallih itektek. U għidli x’inti tiek… x’inti xxomm.

grayscale photography of two eggs on tray

Issa li taf ħafna dwar ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa, agħmel dan il-kwiżż.